Lokali

Futur inċert għall-ħaddiema tal-Air Malta

Il-Gvern ma jikkonfermax jekk il-ħaddiema tal-Air Malta hux se jinżammu bis-sieħeb strateġiku l-ġdid.

Hekk kif it-taħditiet mas-sieħeb strateġiku jinsabu fi stadju avvanzat, il-Ministru Zammit Lewis fil-Parlament ma weġibx dwar jekk hux se jinżammu l-ħaddiema tal-Air Malta u l-kundizzjonijiet li għandhom il-lum

Fil-Parlament, id-Deputat Nazzjonalista Antoine Borg, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Turiżmu, għamel diversi mistoqsijiet lill-Ministru Edward Zammit Lewis, li fil-bidu irreżista li jirrispondi għal mistoqsijiet ċari u diretti dwar l-Air Malta.

Filwaqt li qal li mhux il-mument opportun biex jingħataw dettalji dwar dak li qiegħed jiġi negozjat, il-Ministru Zammit Lewis żied li l-pjan tal-Gvern hu li jsaħħaħ u jkabbar il-linja nazzjonali tal-ajru, u li l-maġġoranza tal-ishma se jibqgħu f’idejn l-Air Malta.