Internazzjonali

Iċ-Ċina: L-ogħla livell ta’ twissija dwar l-arja mniġġsa

L-awtoritajiet f’Beijing ħarġu l-ogħla livell ta’ twissija possibbli għat-tniġġis tal-ajru fil-kapitali taċ-Ċina. Dan waqt li l-iskejjel qed jinżammu magħluqin, bix-xogħol fuq il-bini se jibqa’ wieqaf għall-jiem li ġejjin.

Fil-fatt dan hu l-ewwel Red Alert dwar it-tniġġis tal-ajru li qatt daħal fis-seħħ f’Beijing, b’din is-sitwazzjoni se tibqa’ effettiva sal-Ħamis.

Kif inhuma ċ-ċirkostanzi, l-użu tal-vetturi f’Beijing ukoll qed ikun limitat, b’numru ta’ fabbriki qed jimxu mad-direttiva biex jieqfu, għalissa, mill-produzzjoni. In-nies li qed joħorġu f’Beijing qegħdin jilbsu l-maskri li jipproteġuhom mill-ismogg huma u jduru f’dinja griża fejn, fost oħrajn, jispikka n-nuqqas tat-traffiku.

Iċ-Ċina titqies fost l-aktar pajjiżi li jikkontribwixxu għat-tniġġis tal-arja u r-rappreżentanti tagħha, bħalissa, qegħdin jieħdu sehem fis-summit COP21 ta’ Pariġi bl-iskop li d-dinja tnaqqas l-emissjoni ta’ carbons u partiċelli perikolużi li jgħarrqu l-ambjent.

L-industriji li jaħdmu bil-faħam, is-sistemi li jiġġeneraw is-sħana, l-emissjonijiet tal-vetturi u t-trab li tiela mis-siti tal-kostruzzjoni kollha qed jikkontribwixxu għall-ismogg u t-tniġġis tal-arja fiċ-Ċina. It-tniġġis laħaq livelli ġodda anki minħabba element qawwi ta’ umdità.