Sitt itfal, fosthom tarbija, għerqu meta dinghy li kienet mimlija b’immigranti Afgani nqalbet fil-Baħar Eġew, ‘il hinn mit-Turkija.
Il-gwardjani tal-kosta Torok salvaw talanqas tmienja mill-baħar, wara dan l-inċident li seħħ viċin l-inħawi ta’ Cesme u ftit ‘il barra mill-belt ta’ Iżmir.
L-aħħar traġedja seħħet l-għada li l-awtoritajiet sabu l-katavru ta’ immigranta ta’ ħames snin fuq bajja f’din iz-zona u li wkoll tidher li mietet mgħarrqa.
Din is-sena, ‘il fuq minn 3,500 persuna tilfu ħajjithom jew kienu rrappurtati nieqsa, huma u jippruvaw jaqsmu l-Baħar Mediterran lejn l-Ewropa.
L-aġenzija tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, il-UNHCR, qalet li ‘l fuq minn 911,500 refuġjat u immigranti waslu fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, din is-sena, wara sensiela ta’ vjaġġi perikolużi. Il-maġġoranza ta’ dawn in-nies kienu qasmu mit-Turkija lejn il-gżejjer Griegi fir-reġjun.
//= $special ?>

