Internazzjonali

Kundanna għall-kliem anti-Musulman ta’ Donald Trump

Il-kandidati tal-Partit Repubblikan li jittamaw li jikkuntestaw għall-Presidenza Amerikana kkundannaw bl-aħrax lill-biljunarju u kandidat kollega Donald Trump wara li hu sejjaħ biex il-Musulmani jinżammu milli jidħlu l-Istati Uniti.

Il-kandidat rivali Repubblikan Jeb Bush u l-eks Viċi-President Amerikan Dick Cheney kienu fost l-ewwel li kkundannaw lil Trump u qalu li kliem il-biljunarju dwar il-Musulmani jmur kontra dak kollu li tirrappreżenta l-Istati Uniti.

Kien hemm ukoll espressjonijiet ta’ kundanna mill-Kapijiet Musulmani u minn madwar l-ispektrum politiku. Id-Demokratiċi Amerikani, l-istess bħall-Kapijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u ta’ diversi pajjiżi oħra, sadanittant, fissru d-diskors ta’ Trump bħala ‘perikoluż’ u ‘tat-tip li joħloq il-firda’.

Donald Trump qal, fost oħrajn, li l-Musulmani qed iżommu f’qalbhom ċertu odju u migħbeda għall-Amerika.

Fl-istqarrija tiegħu, Trump sejjaħ biex il-Musulmani jkunu assolutament ipprojbiti milli jidħlu fl-Istati Uniti sakemm ir-rappreżentanti ta’ pajjiżu jsiru jafu eżatt x’qiegħed jiġri. Il-persuna li tieħu ħsieb il-kampanja ta’ Trump qalet li din il-projbizzjoni għandha tapplika għall-immmigranti kif ukoll għat-turisti, iżda Donald Trump, issa, qed isostni li l-proposta tiegħu mhix intiża għall-persuni li huma residenti fl-Istati Uniti.

L-istqarrija ta’ Trump ħarġet meta l-Istati Uniti għadha qed tinvestiga l-attakk tal-ġimgħa l-oħra f’Kalifornja, fejn raġel u martu, li jaħsbu li kienu radikalizzati, immassakraw 14 il-persuna ġo ċentru tas-saħħa fil-belt ta’ San Bernardino.