L-atleta mill-Afrika t’Isfel Oscar Pistorius ingħata l-libertà proviżorja fuq somma ta’ $700 u dan ifisser li hu mhux se jibqa’ l-ħabs sakemm jistenna s-sentenza li se jingħata wara li fl-2013 qatel lill-għarusa tiegħu Reeva Steenkamp.
Ġimgħa ilu l-qorti tal-appel tal-Afrika t’Isfel bidlet il-verdett ta’ Pistorius minn wieħed ta’ qtil involontarju għal wieħed ta’ omiċidju volontarju. Il-qorti suprema tal-appell b’hekk dawwret il-verdett tal-qorti fil-konfront ta’ Pistorius li kien instab ħati bil-qtil tal-għarusa tiegħu Reeva Steenkamp fid-dar tal-atleta fl-2013. Din l-aħbar tfisser li issa Pistorius se jkun qiegħed id-dar tiegħu waqt il-vaganzi tal-Milied.
Is-sentenza issa trid tingħata minn Thokozile Masipa li mexxiet il-ġuri tal-qorti nferjuri li tat l-ewwel verdett tagħha. Data dwar meta se tinħareġ is-sentenza definittiva fil-konfront ta’ Oscar Pistorius għadha ma tħabbritx.
//= $special ?>