Internazzjonali

Tensjoni wara splużjoni f’Moska

2753544 12/08/2015 Law enforcement agents conduct an investigation at a bus stop on Pokrovka Street in Moscow where an unidentified explosive device went off. Evgeny Biyatov/Sputnik

L-awtoritajiet fir-Russja żiedu s-sigurtà fl-aktar inħawi sensittivi ta’ Moska wara li ħames persuni ndarbu ħafif fi splużjoni ta’ bomba fl-inħawi ta’ venda għall-karozzi tal-linja fi Triq Povrovka, fiċ-ċentru tal-kapitali Russa.

L-isplużjoni seħħet tard fil-lejl tat-Tnejn u l-awtoritajiet qalu li s-sors tal-isplussiv ma kienx magħruf. Intant, it-tagħmir li ntuża ma kienx ta’ tip sofistikat, bl-iskwadri tal-emerġenza li waslu fuq il-post idewwu lill-midruba, li kienu jinkludu tliet nisa.

Ir-Russja ilha ssegwi livell għoli ta’ allert mindu t-terroristi tal-ISIS ħalfu li jivvendikaw ruħhom talli l-qawwiet tal-ajru Russi qegħdin jibbumbardjaw diversi pożizzjonijiet ta’ militanti fis-Sirja.

Sadanittant, mhumiex magħrufa l-aggressuri li kkaġunaw l-isplużjoni fil-venda tal-karozzi tal-linja jew jekk l-attakk kienx marbut speċifikament mat-terroriżmu.