Lokali

Tikber il-pressjoni kontra Ian Borg

Il-każ tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg hu każ ieħor li fih il-Gvern reġa’ falla milli jilħaq l-istandards li jistenna u jistħoqqlu l-poplu Malti mingħand ir-rappreżentanti eletti tiegħu.

Dan sostih il-PN fi stqarrija li tikkwota lix-Shadow Ministers Roberta Metsola u Marthese Portelli li esprimew thassib dwar id-dikjarazzjoni ta’ numru ta’ għaqdiet ambjentali Maltin li sostnew li l-pożizzjoni tas-Segretarju Parlamentari Ian Borg m’għadiex tenibbli.

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg jinsab taħt kritika qawwija fl-opinjoni pubblika wara li kien żvelat li l-uffiċċju tal-Ombudsman stabilixxa irregolarita’ u abbuż delibarat fil-mod kif saret l-applikazzjoni għal żvilupp fi propjeta tal-istess Segretarju Parlamentari fil-Wied ta’ Santa Katarina fir-Rabat. Wara li investiga l-każ l-Ombudsman bagħatu għand il-Kummissjoni kontra l-korruzzjoni.

Kienu l-għaqdiet ambjentali flimkien għal Ambjent Aħjar, ir-Ramblers u l-Friends of the Earth li talbu għar-riżenja ta’ Ian Borg wara r-rapport tal-Ombudsman.

Il-PN għamel ukoll riferenza għall-każ fejn il-pajjiż kellu jħallas 11-il miljun ewro biex tlestiet Triq il-Kosta, wara li dawn il-flus intilfu mill-fondi tal-Unjoni Ewropea minħabba irregolaritajiet. Ian Borg hu s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Dwar il-kredenzjali ambjentali tal-Gvern, il-PN sostna li l-Gvern m’għandu l-ebda kredenzjali ambjentali waqt li għandu korruzzjoni istituzzjonalizzata u nuqqas ta’ trasparenza, li saru l-ordni tal-ġurnata.

Roberta Metsola u Marthese Portelli sostnew li l-poplu jistenna l-kontabbilta’ politika u li l-Prim Ministru jaġixxi u mhux jipprova jwarrab l-importanza tal-każ. Iżda sfortunatament il-poplu m’għandux jistenna aħjar minn dan il-Gvern.