Lokali

Aġġornata: Żagħżugħ isofri feriti ħfief wara li nqaleb bil-karozza fi Triq l-Imdina

Żagħżugħ ta’ 23 sena mill-Munxar Għawdex sofra feriti ħfief wara inċident li seħħ fi Triq l-Imdina f’Ħal Qormi u li seta’ kellu konsegwenzi ferm agħar.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-7am, bl-ewwel investigazzjonijiet tal-Pulizija juru li għal xi raġuni ż-żagħżugħ tilef il-kontroll tal-vettura Hyundai li kien qed isuq u laqat central strip. Kawża ta’ dan, il-vettura nqalbet għal fuq is-saqaf.

Fil-post issejħu l-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Hemm, instab li fil-vettura kien hemm biss iż-żagħżugħ, li ttieħed l-Isptar għall-kura. Fil-post issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex iż-żagħżugħ seta’ jinħareġ mill-karozza.

Hu ġie ċċertifikat li fortunatament qed isofri biss minn feriti ħfief.