Lokali Qorti

Fil-kawża kostituzzjonali, tal-PL qed jippruvaw itawlu l-proċess fil-Qorti bla bżonn

Hekk kif kompla jinstema’ l-każ tal-Partit Laburista dwar il-kawza kostituzzjonali fuq l-iżball li sar mill-Kummissjoni Elettorali waqt l-għadd tal-voti fl-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Nazzjonalista llum ikkritika lill-Partit Laburista li qed jipprova jtawwal l-proċess bla bżonn.

Fil-Qorti, l-Avukat Paul Borg Olivier, li qed jidher f’isem il-Partit Nazzjonalista, qal li l-klijenti tal-Avukat Toni Abela, li qed jidher għall-Partit Laburista, għandhom intenzjoni ċara li jittawwal il-proċess. Dan hekk kif, fakkar, f’Lulju li għadda Toni Abela kien intalab jagħti lista ta’ xhieda, iżda minkejja dawn ix-xhur kollha, sal-lum għadu ma sar xejn.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat Toni Abela pprotesta għax qal li dak li ddikjara l-Avukat Borg Olivier mhux minnu. Madankollu, fil-ġimgħat li għaddew, il-Qorti diġà kkritikat bil-qawwi lil Abela għall-fatt li darba wara l-oħra naqas milli jressaq il-provi tiegħu. Dakinhar, il-Qorti qalet li l-imġieba tal-Avukat Abela, li hu wkoll id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, mhijiex waħda professjonali.

L-Avukat Paul Borg Olivier talab lill-Qorti biex tisma’ din il-kawża b’mod konsistenti “għax dan hu każ urġenti anke fid-dawl tal-aħħar żviluppi politiċi lokali”. Il-każ se jkompli fil-21 ta’ Jannar li ġej.