Lokali Parlament

Il-Gvern iħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali tal-2017

L-Oppożizzjoni ddikjarat fil-Parlament li mhix aċċettabbli li l-Gvern iħassar u jneħħi elezzjonijiet li kienu stabbiliti kif qiegħed jagħmel il-Gvern bl-Abbozz ta’ Liġi li kien qiegħed japprova biex jemenda l-Att dwar il-Kunsilli Lokali.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil iddikjara qabel ma ttieħed il-vot illejla dwar Abbozz ta’ Liġi li permezz tiegħu l-Gvern ħassar l-elezzjonijiet lokali tal-2017, li l-Oppożizzjoni irreżistiet dak li jrid jagħmel il-Gvern u kienet qed tibgħat messaġġ li għall-ewwel darba dan hu Gvern li qiegħed iħassar elezzjonijiet li kienu diġà ġew stabbiliti u ffissati, u li dan mhux aċċettabbli.

L-Oppożizzjoni kienet appellat lill-Gvern biex isib kunsens fil-Parlament u mal-Oppożizzjoni, dwar meta għandhom jibdew isiru l-elezzjonijiet lokali.

B’dak li għamel il-Gvern li biddel id-data tal-elezzjonijiet lokali u mill-2017 ipposponihom għall-2019, se jkun ifisser li għall-ewwel darba Gvern biddel elezzjonijiet mingħajr il-kunsens tal-Oppożizzjoni, meta l-prinċipju li dejjem segwa kull gvern kien li bdil fid-dati ta’ elezzjonijiet isir biss b’kunsens bejn Gvern u Oppożizzjoni.

B’dak li approvat il-maġġoranza tal-Gvern fil-Parlament illejla, se jkunu qed jitħassru l-elezzjonijiet lokali tal-2017 biex jibdew isiru kull ħames snin minflok kull erbgħa, u fl-istess ġurnata mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.