Għawdex Lokali Parlament

Il-Gvern jaħbi wkoll il-ftehim mal-Kurja t’Għawdex

Għaddew sentejn u nofs minn meta tħabbar il-proġett tad-Dar tal-Anzjani f’Għawdex li kellu jitlesta f’sena u nofs, u li llum għadu biss ħofra

Il-Gvern qed jaħbi wkoll il-ftehim lil sar bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Kurja t’Għawdex dwar l-użu ta’ dak li qabel kien l-Istitut ta’ San Ġużepp fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem, f’Għawdex, biex tinbena dar għall-anzjani.

Din il-politika ta’ ħabi tal-Gvern tkompli żżid u ttawwal il-lista ta’ kuntratti u ftehim li għamel il-Gvern fl-aħħar sentejn u nofs, bil-Gvern jibqa’ jirrifjuta u jaħbi kuntratti u ftehim b’aġir li jkompi jħasseb u joħloq aktar mistoqsijiet dwar ir-raġunijiet għalfejn il-Gvern qiegħed jaħbi u mhux lest li jkun trasparenti mal-poplu u mal-Parlament.

Dan irriżulta fi tweġiba li ta l-Ministru għal Għawdex, Anton Refalo, għal mistoqsija fil-Parlament li għamel ix-Shadow Minister għal Għawdex, Chris Said, li staqsa lill-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn il-Ministeru tiegħu u l-Kurja ta’ Għawdex dwar l-użu ta’ dak li qabel kien l-Istitut ta’ San Ġużepp, f’Għajnsielem, f’Għawdex.

Filwaqt li għal din il-mistoqsija l-Ministru Refalo wieġeb biss li t-tender għall-kostruzzjoni ħarġet, ma weġibx lanqas dwar meta ġie ffirmat dan il-ftehim u għal kemm snin sar. Il-Ministru Refalo, bħal Ministri oħrajn li qed jirrifjutaw li jippubblikaw kuntratti u ftehim li jkunu ffirmaw f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, qal ukoll li l-ftehim mal-Kurja t’Għawdex hu ta’ natura kummerċjali.

Il-kuntratt li ffirma l-Gvern mal-Kurja t’Għawdex hu mdawwar b’għadd ta’ mistoqsijiet minħabba li sentejn ilu, il-Ministru Refalo f’konferenza tal-aħbarijiet fuq is-sit fejn se jsir dan il-proġett, kien qal li d-Dar għall-Anzjani se tkun lesta fi żmien sena u nofs. Wara sentejn, għad hemm biss ħofra u l-proġett la ħadd ma jaf meta se jibda l-bini tiegħu, u lanqas meta se jispiċċa u tiftaħ din id-dar għall-anzjani f’Għawdex.

X’għandu x’jaħbi l-Gvern meta ma jridx jippubblika l-ftehim iffirmat?
Mitlub jikkummenta dwar ir-risposta li ta l-Ministru Refalo, ix-Shadow Minister għal Għawdex, staqsa x’għandu x’jaħbi l-Gvern meta ma jridx jippubblika l-ftehim iffirmat dwar proġett ta’ dar għall-anzjani f’Għawdex, filwaqt li rrimarka li wara sentejn u nofs, għadu ma nbeda xejn mill-bini ta’ dan il-proġett minkejja l-wegħda ta’ sentejn ilu li d-dar kellha titlesta f’sena u nofs.

Il-kuntratt mal-Kurja t’Għawdex li ffirma l-Ministru Refalo, jiżdied mal-lista ta’ kuntratti u ftehim moħbija minn dan il-Gvern.
Dawn huma l-kuntratt sħiħ ta’ Henley & Partners; il-kuntratti ma’ Sadeen dwar il-bini fiż-Żonqor; il-kuntratt ma’ Shanghai Electric dwar il-bejgħ tal-BWSC; il-Power Purchase Agreement mal-Electrogas; il-kuntratt li bih, art tal-Enemalta għaddiet għand l-Electrogas biex tinbena l-Power Station; il-Power Purchase Agreement ma’ ENEL dwar l-interconnector; il-hedging agreements kollha, speċjalment dak li wassal għal telf ta’ €14-il miljun mas-SOCAR; il-kuntratt li bih, il-Power Station tal-Marsa ngħatat lill-Enemalta għal 99 sena; il-kuntratt ta’ kiri fit-towers f’Raħal Ġdid bejn Transport Malta u GWU; il-kuntratt ta’ kiri bejn l-ARMS u l-GWU dwar il-kirja tal-binja fil-Belt Valletta; il-kuntratt mal-Autobuses de Lyon; il-ftehim li hemm iffirmat mal-Vitalis dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali ta’ Għawdex; u issa l-ftehim iffirmat mal-Kurja t’Għawdex dwar il-bini ta’ dar għall-anzjani f’Għajnsielem.

Meta kien iffirmat il-kuntratt bejn il-Gvern u l-Kurja, kien tħabbar li l-Gvern kien ftiehem li jakkwista din id-dar tal-Knisja b’kera, bi prezz li hu anqas mill-valur fis-suq. Id-dar kienet se tilqa’ fiha 140 sodda f’70 kamra, b’veduti li jħarsu fuq il-Forti Chambray, fuq ix-Xatt l-Aħmar u b’veduti wkoll ta’ Kemmuna.

Il-Gvern kien ftaħar ukoll li se tkun tista’ tilqa’ fiha turisti anzjani
Dakinhar tal-ftehim, il-Gvern kien ftaħar ukoll li se tkun tista’ tilqa’ fiha turisti anzjani biex tagħti bidu għal niċċa ġdida ta’ turiżmu fil-gżira ta’ Għawdex. Kien intqal ukoll, kif rappurtat ukoll fil-midja, li l-Ministeru għal Għawdex se jkun responsabbli mill-amministrazzjoni tad-Dar San Ġużepp filwaqt li d-Djoċesi t’Għawdex se tipprovdi s-servizzi reliġjużi li jinkludu quddies darbtejn kuljum.

Il-Gvern kien qal ukoll li l-Ministeru għal Għawdex kien qed jippjana li se jtejjeb il-faċilitajiet tad-Dar u li se jespandi l-bini biex ikun isbaħ u aktar aċċessibbli. Iżda llum, sentejn wara li l-Gvern ftaħar tant bil-proġett, illum għadu ħofra, bil-Gvern jirrifjuta u jaħbi l-kuntratt marbut mal-bini u t-tmexxija ta’ din id-dar għall-anzjani f’Għawdex.

Il-Gvern mhux biss ma żammx ma’ dak li wiegħed – li jlesti l-proġett fi żmien sena u nofs – iżda sentejn u nofs wara lanqas qed jagħti informazzjoni dwar dan il-proġett u dwar dak li ffirma u li suppost diġà daħal fis-seħħ.