Lokali

Il-prezzijiet tal-fjuwil jibqgħu ogħla mill-medja fl-UE

Il-prezzijiet tal-fjuwil mill-pompi f’Malta, speċjalment il-prezzijiet tad-diesel, għadhom ogħla mill-medja fl-UE.

Minkejja li ż-żejt bħalissa qed jinbiegħ bl-orħas prezz mill-2009 lil hawn, is-sewwieqa Maltin qed jibqgħu jħallsu ferm iktar minn sħabhom fil-parti l-kbira tat-28 pajjiż membru tal-UE.

Wara pressjoni mill-Oppożizzjoni, li l-prezzijiet f’Malta kienu fost l-ogħla fl-UE, il-Gvern f’Ottubru li għadda kien ħabbar li kien se jraħħas il-prezz tal-petrol bi 3ċ għal €1.32 kull litru, u d-diesel b’4ċ għal €1.22 kull litru.

Imma bil-prezz taż-żejt li nhar it-Tnejn kompla jorħos b’5.3% iktar għal $40.73 kull barmil, li hu kważi terz ta’ dak li kien il-prezz f’Awwissu tal-2014 meta kien jinbiegħ għal $115, il-prezz f’Malta qed jibqa’ ogħla mill-medja Ewropea u qed joħloq dubji serji dwar kemm l-istrateġija tal-Gvern Malti, ta’ hedging fit-tul, hi waħda tajba.

Waqt li l-prezz tad-diesel f’Malta bħalissa hu ta’ €1.26 kull litru, il-medja fl-UE hi ta’ 8ċ orħos kull litru, bid-diesel f’Malta jkun ir-raba’ l-ogħla fost it-28 pajjiż tal-UE. L-ogħla prezzijiet għad-diesel huma fir-Renju Unit b’€1.56 kull litru, l-irħas fil-Lussemburgu b’€0.97ċ kull litru.

Anke l-prezz tal-petrol f’Malta jibqa’ ogħla mill-medja tal-UE, b’1ċ ogħla kull litru. Il-petrol f’Malta, li qed jinbiegħ għal €1.35 kull litru, hu l-għaxar l-ogħla fl-UE kollha. L-ogħla tibqa’ r-Renju Unit, bil-prezz ta’ €1.52 kull litru, waqt li l-Bulgarija u l-Polonja għandhom l-orħos prezz, ta’ €1.02 kull litru.

Skont persuni midħla fix-xiri taż-żejt, jekk is-sitwazzjoni ekonomika ta’ bħalissa tibqa’ kif inhi, il-prezzijiet internazzjonali taż-żejt aktarx jibqgħu jorħsu anke matul l-2016, saħansitra sa $20 l-barmil.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista rrimarka li hemm 24 pajjiż li qed igawdu minn prezz orħos tad-diesel minn dak f’Malta, u 18-il pajjiż bi prezz orħos għall-petrol. Saħaq li mir-roħs internazzjonali għandu jgawdi kulħadd, u li mhux ġust li l-Prim Ministru jixxaħħaħ mal-poplu biex igawdu tal-qalba.

Ix-Shadow Minister tal-Ambjent, l-Enerġija u t-Trasport, Marthese Portelli, qed tinsisti li r-roħs għandu jgħaddi għand il-familji, iż-żgħażagħ, l-anzjani, dawk li jaħdmu għal rashom, l-imprendituri u n-negozji, iktar u iktar f’dan iż-żmien ta’ festi li jġibu magħhom iktar impenji u ħruġ kif ukoll kummerċ.

Il-PN fakkar li waqt li l-familji u n-negozji Maltin qed iħallsu fost l-ogħla prezzijiet tal-fuels fl-Ewropa, Muscat qed idaħħal €7,000 fis-sena fil-but għax jikri l-karozza personali lilu nnifsu. Għal darb’oħra l-PN appella biex il-Gvern iraħħas il-prezz tal-petrol u d-diesel b’mod immedjat.