Lokali

Il-UĦM tibda t-taħdidiet għal ftehim kollettiv għax-xufiera tat-trasport pubbliku

Il-UĦM Voice of the Works bdiet it-taħdidiet mal-Malta Public Transport sabiex isir ftehim kollettiv għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tat-trasport pubbliku. Dan hekk kif l-Erbgħa filgħodu ngħata uffiċċjalment ir-rikonoxximent lill-UĦM bħala l-Union li se tibda tirraprezenta l-ħaddiema tat-Trasport Pubbliku.

Kien il-Ħadd li għadda li l-Malta Public Transport ċediet għat-talbiet li kienu qed isiru mill-UĦM, anke wara jiem ta’ azzjonijiet industrijali. Il-UĦM tgawdi mill-fiduċja ta’ 56% tal-ħaddiema tat-Trasport Pubbliku u għaldaqstant kienet qed tinsisti li tingħata r-rikonoxximent.

Il-Ġimgħa li għaddiet il-UĦM filfatt kellha taddotta numru ta’ azzjonijiet industrijali u anke azzjonijiet legali sabiex il-Kumpanija Malta Public Transport tagħti r-rikonoxximent lil-UĦM bħala rappreżentanta tal-ħaddiema.

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella qal li hekk kif il-Union ingħatat dan ir-rikonxximent, hu fl-interess u d-dmir tagħha sabiex taħdem għal kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar għall-ħaddiema.

Dan filwaqt li Josef Vella għalissa ma żvelax fuq liema aspetti l-union se tkun qed tiffoka t-taħdidiet tagħha mal-Malta Public Transport minħabba s-sensittivita’ tat-taħdidiet.

Uffiċjali tal-Malta Public Transport qalu li min-naħa tagħhom jinsabu kuntenti li fl-aħħar sar dan il-pass ‘il quddiem.