L-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin se jkun qed jibda jagħti premju ġdid waqt is-serata annwali li matulha jingħataw unuri lill-ġurnalisti għax-xogħol tagħhom.
Il-kategorija ġdida se tkun qed tikkonsisti f’premju għal rappurtaġġ etiku u pożittiv tas-settur tad-diżabilità.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet konġunta bejn il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) u l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin (IĠM).
Waqt din il-konferenza, iċ-Chairperson tal-KNPD Oliver Scicluna qal li l-KNPD temmen li l-ġurnaliżmu jista’ jkun mezz importanti biex titwassal il-vuċi tal-persuni b’diżabilità fil-qalba tas-soċjetà Maltija, u għal din ir-raġuni, il-KNPD tisħaq ħafna dwar l-importanza ta’ rappurtaġġ etiku.
Spjega li kien minn dan il-ħsieb li nibtet l-idea għal kategorija li fiha jiġi premjat ġurnalist li jkun għamel rappurtaġġ etiku u pożittiv tas-settur tad-diżabilità.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman tal-IĠM Karl Wright qal li dan il-premju hu maħsub li jirrikonoxxi r-rappurtaġġ etiku u pożittiv tal-ġurnalisti fil-qasam tad-diżabilità.
Iċ-Chairman tal-IĠM temm jgħid li permezz ta’ dan, l-IĠM mhux biss qed jimbotta ‘l quddiem l-aġenda ta’ żjieda fil-kuxjenza pubblika għall-persuni b’diżabilità f’pajjiżna, imma qed jinkoraġixxi wkoll lill-ġurnalisti f’Malta sabiex permezz tax-xogħol impekkabbli li jagħmlu ta’ kuljum, jagħtu iżjed minn dik li hi importanza dovuta lil dan il-qasam fis-soċjetà tagħna, b’enfasi fuq l-abbiltà u mhux id-diżabilità.
//= $special ?>

