Futbol Sport

Ma komplejniex nibnu fuq ir-rebħa li ksibna kontra Inter – Sarri

Wara t-telfa xejn mistennija ta’ 3-2 barra minn darhom kontra Bologna, l-kowċ ta’ Napoli Maurizio Sarri esprima d-diżappunt tiegħu u qal li t-tim ma għarafx jibni fuq il-wirja fem pożittiva li kellu ftit jiem qabel kontra Inter. Ġimgħa ilu Napoli kienu telgħu fl-ewwel post tal-klassifika meta kienu rebħu 2-1 kontra Inter imma bit-telfa kontra Bologna issa dawn qegħdin fit-tielet post tal-klassifika wara Inter u Fiorentina.

“Kull ostaklu li kellna fil-partita ma għelibnihx. Qabel il-logħba konna nafu bil-periklu u konna nafu li biex inkomplu nirbħu ridna nibqgħu ikkonċentrati. Morna minn taħt b’gowl li ma kellux ikun għax Destro kien f’pożizzjoni ta’ offside imma wara dan il-gowl tlifna erba’ ċansijiet ta’ skor u barra minn hekk spiċċajna pattejna qares għax qlajna gowl ieħor,” qal Sarri fl-ewwel kummenti tiegħu wara l-partita.

“Konna ġejjin minn logħba diffiċli u konna għajjenin. Ma lħaqniex nirkupraw u nemmen li ħsibna li kienet se tkun faċli li nieħdu t-tliet punti. Issottovalutajna l-avversarji tagħna u wara li qlajna t-tieni gowl waqafna nemmnu li stajna nwettqu rimonta. Dan kien żball kbir għax lejn l-aħħar skurjajna tnejn u dan wera biċ-ċar li kieku bdejna nattakkaw minn qabel kien ikollna ċans insalvaw xi punti.

Kontra Inter, wara l-logħba kont ilmentajt għax ħallejna lill-avversraji jidħlu fil-logħba wara li konna minn fuq u bi plejer aktar u għal darba oħra innutajt li lill-avversraji qed inħalluhom jilagħbu l-logħba taħhom. Sa xhar ilu ma konniex qed nagħmlu dawn l-iżbalji u logħba bħal ta’ llum konna nirbħuha,” kompla jgħid Sarri. Dan tal-aħħar temm jgħid li l-għan prinċipali hu li d-difiża tkun soda għax jekk it-tim ikolu logħba fqira imma jkun sod fid-difiża jaf ikun hemm każi fejn xorta waħda jieħu t-tliet punti.

Roberto Donadoni, kowċ ta’ Bologna esprima s-sodisfazzjon tiegħu u qal li kien kuntent bil-fatt li l-plejers ikkoreġew l-iżbalji li kienu għamlu fil-logħba preċedenti. “Ilum kellna wirja mil-aqwa. Kien lejn l-aħħar biss li qlajna l-gowl meta l-plejers kienu għajjenin. Minn qabel il-partita wissejt lil-plejers tiegħi biex ma jaħsbux ħafna fuq l-avversarji li huma ferm aktar b’saħħithom minna imma jiffukaw biss fuq il-logħba tagħhom,” qal Donadoni.