Lokali Parlament

Marlene Farrugia tivvota kontra l-Gvern fuq il-Baġit

Vot kontra l-baġit tal-Uffiċċju tal-PM għaliex mhix konvinta minn dak li qed jiġri fil-qasam tal-proprjetà pubblika, nuqqas ta’ kuntratti ppubblikati u minħabba ndħil dirett fil-MEPA; kontra l-baġit tal-Ambjent għaliex ma kienx hemm it-tisħiħ tal-ambjent; kontra l-Baġit għall-enerġija għaliex m’hemmx trasparenza, kontra s-saħħa għaliex ma tafx jekk is-sena d-dieħla hux se jkun introdott l-iffriżar tal-embrijuni, u kontra l-baġit tal-Ministru Helena Dalli għaliex kellha taġixxi b’mod differenti

Id-Deputat indipendenti u eksmembru tal-Gvern Laburista, Marlene Farrugia, ivvutat kontra l-Gvern fuq il-Baġit.

F’seduta li bdiet waranofsinhar fit-3.30pm biex jittieħdu l-voti fuq kull Ministeru tal-Gvern biex jiġi approvat il-Baġit għall-2016, Marlene Farrrugia ivvutat kontra l-Baġit tal-Prim Ministru, kontra l-baġit tal-Gvern allokat għall-Ministeru tas-Saħħa u Enerġija mmexxi mill-Ministru Konrad Mizzi; u kontra wkoll il-Baġit allokat għall-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili mmexxi mill-Ministru Helena Dalli.

F’dikjarazzjoni li għamlet meta ddikjarat il-vot tagħha kontra l-Gvern, u bħal dak tal-Oppożizzjoni, Marlene Farrugia ddikjarat li qed tivvota kontra l-Baġit tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru għaliex trid tara l-investigazzjonijiet b’rabta mal-proprjetajiet tal-Gvern, mhix konvinta minn dak li qiegħed jiġri fl-amministrazzjoni tal-proprjetà pubblika u dan fid-dawl ukoll tan-nuqqas ta’ pubblikazzjoni ta’ kuntratti. Fissret ukoll li qed tivvota wkoll kontra l-Baġit għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru minħabba ndħil dirett fl-istituzzjonijiet tal-Gvern, bħalma hi l-MEPA.

Marlene Farrugia vvutat ukoll kontra l-baġit allokat lill-Ministeru tal-Ambjent u ddikjarat li mill-esperjenza, ma tħossx li l-Ministeru tefa’ l-piż meħtieġ għat-tisħiħ tal-ambjent favur il-poplu Malti u Għawdxi.

Meta vvutat kontra l-baġit għas-settur tal-Enerġija, Marlene Farrugia sostniet li m’hemmx trasparenza, filwaqt li fis-settur tas-saħħa ma tafx jekk hux se jkun introdott mill-Gvern l-iffriżar tal-embrijuni matul is-sena d-dieħla.

Dwar il-vot tagħha kontra l-Baġit allokat lill-Ministeru li tmexxi Helena Dalli, Marlene Farrugia ddikjarat li se tivvota kontra u mal-Oppożizzjoni għaliex stenniet lill-Ministru Dalli taġixxi b’mod differenti minn kif aġixxiet fl-aħħar ġimgħat.

Id-Deputat Marlene Farrugia kienet sejħet għar-riżenja tal-Ministru Helena Dalli għal diskors li għamlet fil-Parlament fil-Jum Dinji Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u Bniet, meta sostniet li n-nisa m’għandhomx jilagħbuha tal-vittmi. Kienet sostniet li dan il-kliem ifisser li lil min irid ifttex ġustizzja minħabba vjolenza, għandu joqgħod kwiet u jaqla’ ġo fih.

Inkwetata dwar l-awtonomija lill-Kunsilli Lokali
Qabel il-vot dwar il-Ministeru tal-Ġustizzja, Gvern Lokali u Kultura, l-eks-Deputat tal-Gvern qalet li hi nkwetata fuq in-nuqqas ta’ awtonomija lill-Gvern Lokali, u sostniet li minkejja dan se tivvota favur bit-tama li l-Ministru Owen Bonnici għad fadallu sentejn biex jassigura l-awtonomija lill-Kunsilli Lokali.

Dwar l-aħħħar Ministeru li ttieħed vot dwaru, dak tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech responsabbli mill-Manifest Eettorali u t-Twettiq tiegħu, Marlene Farrugia rrimarkat li għax għandha fiduċja fid-Deputat Prim Ministru, se tivvota mal-Gvern.

Il-Parlament illum waranofsinhar beda jivvota fuq il-Baġit li ressaq il-Gvern għall-2016, wara li dan tressaq fil-Parlament fit-12 ta’ Ottubru, bid-diskussjoni dwar il-Ministeri bdiet fil-21 ta’ Ottubru u ngħalqet sal-aħħar tal-istess xahar.

Fil-votazzjonijiet li ttieħdu biex jiġu approvati l-voti finanzjarji għal kull Ministeru, il-Ministru George Vella ma vvutax għaliex kien paired mal-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni Mario de Marco li jinsab indispost minħabba kura medika li qiegħed jirċievi; u l-Ministru Leo Brincat li lanqas ma vvota minħabba li kien paired mad-Deputat Nazzjonalista Ryan Callus li ngħaqad fis-sagrament taż-żwieġ ilbieraħ, it-Tlieta.

Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia vvutat mal-Grupp Parlamentari tal-Gvern fuq il-baġits allokati għal ministeri oħrajn.