Ir-rivista Amerikana Time għażlet il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel bħala ‘l-Persuna tas-Sena’. Dan minħabba r-rwol tagħha fil-kriżi tal-immigrazzjoni u l-kriżi finanzjarja Griega.
Nancy Gibbs, l-editur tat-Time, qalet li Merkel tat tmexxija morali meta fid-dinja kien hemm nuqqas kbir tagħha.
Fit-tieni post spiċċa Abu Bakr al-Baghdadi, il-mexxej tal-ISIS filwaqt li fit-tielet post spiċċa Donald Trump, il-kandidat kontroversjali tal-Partit Repubblikan għall-Presidenza Amerikana.
Gibbs qalet li Merkel ħadet dan il-premju għaliex talbet lill-pajjiżha jagħti aktar biex jgħin, aktar milli azzarda jagħmel kwlunkwe politiku ieħor u talli żammet sod kontra t-tiranija. Dan f’dinja fejn Gibbs qalet li l-eżempju morali min-nies fil-poter kien nieqes ħafna.
Gibbs qalet li Merkel meta ħadet id-deċiżjonijiet ma ħadithomx biex tirbaħ il-voti u qatt ma ħadet it-triq il-faċli imma għax moralment kienet id-eċiżjoni t-tajba. Hi żiedet li wieħed ikun jaf x’issarrfu l-mexxejja vera hu meta jieħdu d-deċiżjonijiet tajba imma mhux bilfors popolari.
Merkel hi biss r-raba’ mara li ngħatat dan il-premju minn mindu nħoloq mit-Time fl-1927 kif ukoll l-ewwel mara li ngħatat dan il-premju f’29 sena. Il-premju tas-sena li għaddiet kien ingħata lit-tobba li kienu qed jikkumbattu kontra l-Ebola fil-punent tal-Afrika.
Merkel il-persuna tas-sena skont it-Time
