“Mhux se jintimidawni” – l-Arċisqof ta’ Malta

L-Arcisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles Scicluna kellu kliem iebes ghal dawk li hu sejjah bhala monopolji fix-xandir, meta aħbarijiet jew diskussjonijiet li ma jaqblux magħhom il-kbarat, ma jixxandrux.

Dikjarazzjoni qawwija u kategorika dwar ix-xandir f’pajjiżna mill-Arċisqof ta’ Malta Monsinjur Charles Scicluna. Kummenti li saru fil-kuntest tar-reazzjoni negattiva u kummenti dispreġġjattivi għall-fatt li l-Knisja u l-Kap tagħha f’Malta issemma’ leħinha dwar oqsma li jkunu fl-arena politika.

Waqt il-programm Times Talk, Monsinjur Arċisqof irrefera għad-diskussjoni li saret mill-Kummissjoni Djoċesana Ambjent il-ġimgħa li għaddiet, iżda kien propju waqt il-programm tat-Tlieta filgħaxija li din il-konferenza, li kellha l-parteċipazzjoni tal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż, li ssemmiet fuq l-istazzjon nazzjonali, TVM.

L-Arċisqof Scicluna kien mistoqsi dwar jekk il-Knisja għandhiex titkellem dwar oqsma li jistgħu ikunu ta’ kontroversja politika jew jekk għandhiex tagħlaq ħalqha. Matul l-intervista’ saret referenza għall-kumment tal-Arċisqof dwar is-sistema ta’ dwal fuq il-Berġa ta’ Kastilja. Hu qal li jekk ma jikkundannax il-vandaliżmu kulturali, hu jkun kompliċi

Dwar l-akkuża li qed jiffavorixxi l-Oppożizzjoni għax ikun qed jikkritika xi miżura tal-Gvern, l-Arċisqof qal li dan hu raġunament pwerili li ma jixraqx lil dan il-pajjiż, u mhux se jkun intimidat b’dan it-tip ta’ atteġġjament

Monsinjur Arċisqof qal li l-Knisja għandha leħen li għandu jkun wieħed minn ħafna fis-soċjeta’ tal-lum.

Hu kompla li kull riflessjoni fuq il-ġid komuni u l-ġustizzja soċjali huma parti integrali mill-Evanġelju u l-Knisja tkun qed tonqos jekk ma twassalx leħinha fuq dawn l-oqsma..

Min-naħa l-oħra, l-Arċisqof qal li jekk Isqof jagħmel kumment f’kuntest politiku mingħajr motivazzjoni morali, jiġifieri li ma tkunx qed tgħin il-ġid komuni, ikun qed jaħli ż-żmien u jirfes kallu li m’għandux jirfes.