Din il-ġimgha hi ddedikata għall-persuni b’diżabbiltà u għal din l-okkażjoni l-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Forum Opportunitajiet Indaqs (FOIPN), organizza mixja simbolika fil-Belt.
Għal din il-mixja attenda wkoll il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, li kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Persuni b’Diżabbiltà Robert Cutajar. Attendew ukoll persuni b’diżabbiltà, li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista dwar l-isfidi tagħhom ta’ kuljum.
Fost oħrajn, Kenneth Muscat, li għandu 49 sena u hu persuna b’diżabbiltà, li spjega kif meta kellu 21 sena nstab li kellu ‘multiple sclerosis’ u kellu jibda juża’ siġġu tar-roti. Kenneth spjega li fil-assat kien jinkwieta l-aktar jekk hux se jkun aċċettat fis-soċjetà.
U kemm Rita Zahra, li hi ħabiba ta’ Kenneth u tgħinu jaffaċċja d-diffikultajiet li jiltaqa’ magħhom ta’ kuljum, kif ukoll Noel Aquilina u Roberta Magri, li wkoll attendew għall-mixja, kienu fost dawk li tkellmu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista … din id-darba dwar il-problema ta’ aċċessibbiltà li persuni b’diżabbiltà jiltaqgħu magħhom.
Ma’ NETnews.com.mt, il-President tal-FOIPN Graziella Schembri spjegat li l-idea ta’ din l-attività nibtet mill-ħsieb li hu importanti li s-soċjetà dejjem tibqa’ konxja mid-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom ta’ kuljum il-persuni b’diżabbiltà.
//= $special ?>

