Perikli fil-parti tat-triq bejn il-Lukanda Coastline u r-roundabout ta’ ħdejn is-Salini li twassal għat-Telgħa t’Alla u Ommu
Id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea tkellem fil-Parlament dwar difetti f’partijiet differenti tul Triq il-Kosta li qed joħolqu periklu kemm għas-sewwieqa, għat-traffiku, kif ukoll għal kull min ikun qiegħed miexi, b’mod partikulari fis-sistema ta’ toroq li tagħti għat-Triq tat-Telgħa t’Alla u Ommu fiz-zona tas-Salina.
Ċensu Galea, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Amministrazzjoni Pubblika u Investimenti tal-Gvern, tkellem dwar perikli fi Triq il-Kosta mhux biex jikkritika dak li sar, iżda biex jagħmel għal darb’oħra osservazzjonijiet u rimarki fuq proġett li sewa miljuni kbar ta’ fondi mhux biss mill-Unjoni Ewropea iżda wkoll mill-fondi pubbliċi.
Fisser li għadda diversi drabi min din it-triq, u għadda diversi osservazzjonijiet li dwarhom għamel ukoll mistoqsijiet parlamentari. Irrimarka li fadal numru ta’ tabelli li jiġbdu l-attenzjoni dwar il-veloċità fis-sewqan, u li juru li l-veloċità għandha tkun ta’ 40km fis-siegħa. Dawn it-tabelli kienu hemm fi Triq il-Kosta għal waqt li kien għaddej ix-xogħol – liema tabelli żgur li m’għadhomx aktar meħtieġa u għandhom jitneħħew.
Hemm diffikultà oħra li għalkemm il-proġett jidher li tlesta, irridu naraw dwar il-periklu fil-parti tat-triq bejn il-Lukanda Coastline u r-roundabout ta’ ħdejn is-Salini li twassal għat-Telgħa t’Alla u Ommu.
Id-Deputat Nazzjonalista saħaq li f’din il-parti tat-triq, la hemm bankini u lanqas bycicle lanes b’mod li nħoloq periklu kbir, bil-bankini jitneħħew miż-żewġ naħat tat-triq, b’periklu wkoll għal min ikun għaddej bil-mixi minn din il-parti tat-triq.
Tkellem ukoll dwar is-sistema tat-traffiku fil-ħruġ u dħul mil-Lukanda Coastline, u semma li d-difetti li hemm fil-preżent f’din is-sistema qed tagħti lok għal min jikser ir-regolamenti fid-direzzjonijiet li għandhom isegwu s-sewwieqa b’periklu kbir għat-traffiku li jkun għaddej minn Triq il-Kosta. Apella lill-awtoritajiet biex itejbu d-difetti kbar li hemm f’din il-parti ta’ Triq il-Kosta.
Semma wkoll aktar perikli tul Triq il-Kosta, fil-parti tad-daħla lejn il-Madliena Cottage, fejn ukoll saħaq li jeħtieġ li tittieħed azzjoni qabel ma jkun tard wisq, b’miżuri biex ma jitħalliex li jsir abbuż minn sewwieqa li jkunu sejrin fid-direzzjoni lejn Tas-Sliema.
Ċensu Galea semma wkoll abbużi oħrajn fl-istess arterja ewlenija tat-traffiku li qed isiru minn xi sewwieqa fiz-zona ta’ ħdejn il-Luxol, meta xi wħud saħansitra ma jsegwux is-sinjali tat-traffic lights. Appella wkoll lil min ikun qed isuq ir-rota biex ma joħloqx perikli għas-sewwieqa f’zoni f’din it-triq li huma ta’ periklu tat-traffiku, bħalma hi z-zona tal-Luxol.
Tkellem ukoll dwar l-inkonvenjenzi kbar li għadhom ibatu minnhom ir-residenti fiz-zona f’Tas-Salina, li tilfu l-aċċess għaz-zona residenzjali. Semma li hemm diffikultà kbira dwar l-aċċessibbiltà permanenti għaz-zona residenzjali u esprima l-preokkupazzjoni li fiċ-ċirkustanzi kif żviluppaw, m’hemmx soluzzjoni permanenti għalihom minħabba li fil-preżent l-aċċess hu miz-zona tal-Lukanda Coastline. Semma li aktar tard dan ix-xahar, hemm applikazzjonijiet marbuta ma’ dan l-aċċess għar-residenti u appella lill-Gvern biex dan l-aċċess isir kemm jista’ jkun malajr.
Id-Deputat Nazzjonalista tkellem ukoll dwar il-proġett tas-sokkorzju tas-Salina u l-Qawra u qal li dan hu proġett li ilu li nbeda madwar erba’ jew ħames snin, u li kellu jispiċċa sal-2013. Filwaqt li semma li x-xogħol marbut mal-barrakki tas-salina kien tlesta x-xogħol, m’hemmx dawl dwar meta se jintemm dan il-proġett, bl-aħħar risposta kienet li se jitlesta sal-aħħar tas-sena.
Ċensu Galea rrimarka li għandu dubji kbar dwar meta se jispiċċa dan il-proġett għaliex spjega li għad hemm ħafna xogħol xi jsir meta fadal issa ftit żmien sal-aħħar tas-sena.
Quddiem ir-realtà li dan se jkun it-tielet Milied li suppost tlesta dan il-proġett, id-Deputat Nazzjonalista Ċensu Galea appella għas-serjetà fit-twettiq ta’ dan il-proġett biex inkunu f’qagħda li nassiguraw ir-residenti fis-Salina u fil-Qawra ma jibqgħux ibatu minn inkonvenjenzi konsegwenza ta’ rwejjaħ kbar.
//= $special ?>