Internazzjonali

Putin inqanqal il-possibbiltà tal-użu ta’ armi nukleari kontra l-ISIS

Hekk kif tħabbar li sottomarin li qed ibaħħar fil-Mediterran spara missili sofistikati, kapaċi li jġorru arma nukleari, lejn qagħdiet tal-ISIS fis-Sirja, il-President Russu Vladimir Putin esprima t-tama li mhux se jkun hemm bżonn l-armi nukleari fil-gwerra kotnra l-ISIS.
Waqt laqgħa f’Moska mal-Ministru tad-Difiża Russu Sergei Shoigu, Putin kien infurmat li s-sottomarin Rostov-on-Don, kien spara missili tat-tip3M-54 Kalibr lejn qagħdiet tal-ISIS f’Raqqa. Missili li Putin fakkar jistgħu jġorru wkoll arma nukleari imma li żied jittama li ma jkunx hemm bżonn li ssir kontra l-ISIS.
Shoigu qal ukoll li bombers Russi tat-tip Tu-22 li qed jitilqu minn bażijiet fir-Russja f’temp ta’ tlett ijiem kienu ħadu sehem f’60 missjoni fis-Sirja. Fil-mira apparti ħażniet tal-munizzjon tal-grupp kien hemm ukoll impjanti taż-żejt u fabbriki għall-armi. Attakki li bihom il-militar Amerikan kien infurmat li kienu se jsiru.
Sadattant irriżulta li hemm id-doppju ta’ ġellieda barranin jiġġieldu mal-ISIS fl-Iraq u s-Sirja bħalissa milli kien hemm fl-2014. Skont rapport mill-Soufan Group, bażat fi New York, hemm bejn 27,000 u 31,000 ġellieda barranin minn 86 pajjiż meta s-sena li għaddiet kien hemm 12,000 ġellied barrani mal-ISIS.
Intqal li l-akbar ammont kienu ġejjin mill-Arabja Sawdija, it-Tuneżija u r-Russja filwaqt li dawk ġejjin minn pajjiżi Ewropej kienu madwar 5,000 ġellied