Internazzjonali

Arrestati dwar il-mewt ta’ mara waqt ritwal ta’ eżorċiżmu

Il-Pulizija fil-Ġermanja arrestat ħames qraba ta’ mara mill-Korea t’Isfel li mietet waqt allegat ritwal ta’ eżorċiżmu.

Il-mara ta’ 41 sena nstabet mejta f’kamra ta’ lukanda fi Frankfurt wara li kienet spiċċat marbuta u msawta bla ħniena. Il-Prosekutur Ewlieni, Nadja Niesen, qalet li l-qraba tal-vittma riedu jkeċċu xitan li ħasbu li kien daħal f’dik il-mara.

L-arrestati jinkludu lil iben il-vittma, li għandu 15-il sena, u li l-investigaturi jaħsbu li kien ħa sehem fil-vjolenza fuq ommu. Il-Pulizija, bħalissa, qed iżżomm mara ta’ 44 sena, flimkien ma’ wliedha, ġuvni u tfajla, u tifel ieħor ta’ 15-il sena li qegħdin jgħinu fl-istħarriġ.

Mhux magħruf id-denominazzjoni reliġjuża tas-suspettati li kienu waslu fi Frankfurt xi sitt ġimgħat qabel din is-sejba makabra.