Internazzjonali

Arresti f’Sydney waqt azzjoni kontra t-terroriżmu

Il-Pulizija Awstraljana arrestat tifel ta’ 15-il sena u raġel ta’ 20 sena waqt azzjoni kontra t-terroriżmu fil-belt ta’ Sydney. It-tifel u r-raġel qed jiffaċċjaw akkużi bħala membri ta’ kumplott li kellu jwitti t-triq għal azzjoni terroristika.

Sadanittant, tliet persuni oħra li għandhom bejn il-21 u t-22 sena, kienu akkużati dwar l-istess reat. Huma jistgħu jeħlu l-ħabs għal għomorhom f’każ li jispiċċaw ikkundannati dwar l-akkużi inkwistjoni.

L-aħħar arresti f’Sydney huma konnessi ma’ kumplott li ġie żvelat wara li l-awtoritajiet, is-sena l-oħra, kienu ħatfu xi materjal waqt missjoni tas-sigurtà mlaqqma Operation Appleby. Il-missjoni tas-sigurtà kienet xprunata mill-informazzjoni li rċivew is-servizzi sigrieti Awstraljani fis-sens li estremisti Iżlamiċi kienu qed jippjanaw biex joqtlu n-nies għal għarrieda fl-Awstralja.

Intant, il-pulizija f’Sydney qalu li l-arresti tal-aħħar sigħat mhumiex marbuta ma’ xi kumplott ġdid iżda ma’ dokumenti li kienu nħatfu waqt rejds li saru xhur ilu u li żvelaw pjan biex il-militanti jew terroristi jattakkaw bini tal-gvern u tal-pulizija fl-Awstralja.