Lokali Qorti

FILMAT : Francis Zammit Dimech u żewġ Diretturi oħra tas-Seabank liberati mill-akkużi

M’hemm l-ebda raġuni biex id-Deputat Nazzjonalista Francis Zammit Dimech u żewġ persuni oħra, li wkoll huma Diretturi mhux Eżekuttivi fil-lukanda Seabank, jitqegħdu taħt att ta’ akkuża wara l-mewt ta’ ħaddiem mil-Latvja meta kien qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni fil-lukanda. Il-każ seħħ fl-2012.

Il-Qorti, immexxija mill-Maġistrat Doreen Vella Clark, illiberat lil Zammit Dimech, lil Arthur Gauci ta’ 46 sena mill-Mellieħa u lil Silvio Debono ta’ 56 sena mill-Mellieħa wkoll milli jiġu akkużati kriminalment bil-qtil involontarju tal-barrani, Maksims Artamonovs ta’ 27 sena, li miet mgħaffeġ waqt ix-xogħolijiet fil-lukanda.

Il-vittma kien impjegat ta’ B&B Holdings and Investments Ltd, li kienet imqabbda tagħmel ix-xogħol relatat mat-tkabbir u t-tisbiħ tal-lukanda. Meta tressqu quddiem il-Qorti, id-Difiża qalet li l-akkużati m’għandhom assolutament l-ebda responsabbiltà kriminali fil-każ.

Dakinhar li gazzetta lokali kienet irrappurtat li Francis Zammit Dimech kien se jitressaq il-Qorti, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat kien qal li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kellu jitlob għar-riżenja tad-Deputat Nazzjonalista.

Fuq l-istazzjon tar-radju Laburista, Muscat kien qabbel dan il-każ mal-każ tal-Ministru Owen Bonnici, li kien laqat karozza wieqfa u kawża ta’ dan fera lil sid il-karozza li kien ħdejha. Kien qal li l-każ ta’ Zammit Dimech, li hu Direttur mhux Eżekuttiv, hu wieħed aktar serju.

Min-naħa tiegħu, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien iddikjara li sakemm tittieħed id-deċiżjoni mill-Qorti dwar jekk id-Deputat Nazzjonalista kienx se jitqiegħed taħt att ta’ akkuża, ma kienu se jittieħdu l-ebda passi kontrieh.

Simon Busuttil kien spjega li Zammit Dimech m’għandu l-ebda rwol eżekuttiv fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista u għalhekk ma kien hemm l-ebda rwol ta’ responsabbiltà li wieħed seta’ jneħħih minnu. Kien sostna wkoll li bħala Direttur mhux Eżekuttiv, Francis Zammit Dimech ma kellu l-ebda sehem, dirett jew indirett, mat-tmexxija tal-kumpanija tal-lukanda fejn seħħ l-inċident.

Fil-Qorti, dehru għat-tliet Diretturi mhux Eżekuttivi l-Avukati Michael Sciriha, Mario de Marco u Giannella de Marco.

Sadanittant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru Muscat għandu jitlob skuża lil Francis Zammit Dimech għall-attakki kollha li għamel fil-konfront tiegħu fl-aħħar tliet xhur minn kemm ilhom li ħarġu l-akkużi.

Fost ċirkostanzi oħrajn, tliet ġimgħat ilu biss, fil-Parlament Muscat irrefera għal dan il-każ u pprova jużah biex jagħmel sarima ma’ ħalq id-Deputat Nazzjonalista ħalli ma jitkellimx dwar l-inċident li kien għadu kif seħħ f’Paceville.

Il-Partit Nazzjonalista qal li dan juri biċ-ċar il-livell baxx tal-politika ta’ Muscat, li kapaċi jħammeġ lil kulmin ma jaqbilx miegħu. Il-poplu issa qed jinduna li Muscat qiegħed fil-politika biex jinstiga l-firda minflok l-għaqda.