Ambjent Lokali

Front Ħarsien ODZ joġġezzjona għat-trasferiment tal-art lill-Ġordaniżi

Il-Front Ħarsien ODZ qed joġġezzjona bil-qawwa għall-fatt li l-Gvern irid jitrasferixxi l-art f’Marsaskala lil Sadeen Group, sakemm il-Gvern jippubblika l-ftehim mal-Ġordaniżi. Il-Front qed jappella wkoll li jiġi pubblikat il-proċess li sar mill-MEPA biex intgħażlet l-art għall-Universita’ Ġordaniża.

Fi stqarrija l-Front fakkar li l-Kap Eżekuttiv tal-MEPA kien wiegħed li jistgħu jiġu kunsidrati siti alternattivi flok Żonqor. “Kull trasferiment ta’ art li jsir sakemm ikun konkluż dan il-proċess imur kontra din il-wiegħda”, issostni l-istqarrija.

Il-Front Ħarsien ODZ insista li jekk l-art tiġi trasferita lill-Ġordaniżi dan ikun ifisser diżrispett lejn il-prinċipji tat-trasparenza u l-governanza tajba.