Qorti

Ġuri l-Bona: Galea kellu theddida serja u imminenti għal ħajtu

Il-persuna akkużat li qatel lil Anthony Borg, magħruf bħala l-Bona, kellu jiffaċċja lil min kien qed ikun bully miegħu u l-fatt li tah daqqiet ta’ sikkina kien inevitabbli peress li kien iffaċċjat b’theddida serja u imminenti għal ħajtu.

Hekk saħaq l-avukat Joe Giglio, fil-ġuri li għaddej bħalissa fil-konfront ta’ Allan Galea, li hu akkużat li qatel lil Borg fil-pjazza ta’ Marsaxlokk, fil-21 ta’ Frar tal-2010.

L-avukat tad-Difiża saħaq li l-klijent tiegħu aġixxa b’difiża personali, li ma kinitx sproporzjonata, meta kien iffaċċjat b’persuna taħt l-effett tal-alkoħol u l-kokaina li kienet qed theddu b’ħajtu. L-avukat Giglio ffoka fuq il-fatt li l-akkużat ħareġ mid-dar b’sikkina wara li rċieva numru ta’ telefonati fuq il-mowbajl tiegħu mill-Bona.

Hu staqsa jekk Galea setax jinjora lil Borg li kien qed jibbumbardjah b’telefonati, bir-riskju li Borg imur id-dar tiegħu. Qal li t-tielet għażla kienet li jċempel lill-Pulizija, imma dan kien ifisser iktar inkwiet għax ikun kabbar il-każ. L-avukat difensur sostna li l-unika għażla quddiem l-akkużat kienet li jieħu miegħu arma f’każ li jiġi aggredit ladarba kien jaf ir-reputazzjoni ta’ Borg. L-avukat Giglio qal li l-akkużat kien sfortunat minħabba li xi ġimgħat qabel kien mess iċ-choker tal-vittma, li kien ħassu offiż.

Id-Difiża argumentat ukoll li t-tiri sparati mill-vittma aktarx ma kinux biss biex iservu ta’ twissija, li l-akkużat ma kellu xejn x’jaħbi tant li talab lill-Pulizija tanalizza filmati ta’ kameras tas-sigurtà waqt li staqsiet għalfejn sieħbet il-vittma ħbiet l-arma tan-nar. L-avukat Giglio rrimarka wkoll dwar it-traċċi ta’ kokaina li kienu fid-demm tal-vittma imma li kienu għadhom ma għamlu ebda reazzjoni kimika, u l-fatt li ma kellu ebda “card” tal-bank peress li kien hu l-bank li kien jislef il-flus lin-nies. Irrimarka wkoll dwar ir-ritratti ta’ Al Pacino li kellu fit-telefon ċellulari tiegħu.

L-avukat difensur staqsa dwar il-kredibilità ta’ xi xhieda li qrib il-vittma li taw verżjonijiet identiċi, u sostna li dan hu impossibbli sakemm ma jkunux ippruvawha minn qabel. Poġġa dubju fuq ix-xhieda ta’ xi wħud, li l-akkużat mar fil-pjazza b’sikkina kbira u b’mod ta’ sfida, u saħaq li din il-verżjoni ma ntqalitx mill-ewwel lill-Pulizija imma iktar tard.

L-avukat Giglio, Giannella de Marco u Steve Tonna Lowell qed jidhru għad-Difiża waqt li l-Prosekuzzjoni hi mmexxija mill-avukati Lara Lanfranco u Kristina Debattista mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-avukati Matthew Debono u Franco Debono qed jidhru parte civile għall-vittma waqt li l-każ qed jinstema’ quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi.