Il-Premju Nobel għall-Paċi ta’ din is-sena ngħata lir-rappreżentanti tal-erba’ organizzazzjonijiet li għenu biex isalvaw il-proċess tat-Tuneżija lejn demokrazija permezz tad-djalogu. Ir-rebbieħa tal-Premju, issa, qed jittamaw li l-proċess tad-djalogu jkun applikat ukoll għal-Libja u s-Sirja filwaqt li ħeġġew biex id-dinja tirreżisti t-terroriżmu.
Abdessatar Ben Moussa, li jmexxi l-Lega tad-Drittijiet Umani tat-Tuneżija, qal, f’Oslo, li l-armi ma jistgħu qatt jipprovdu soluzzjoni u li teżisti dejjem il-ħtieġa għal djalogu.
Minbarra l-Lega ta’ Moussa, l-Unjoni tax-Xogħol Tuneżina, il-Konfederazzjoni tal-Industrija, il-Kummerċ u l-Artiġjanat (UTICA) u l-Ordni Tuneżina tal-Avukati jiffurmaw il-Kwartett għad-Djalogu Nazzjonali.
Intant, dan il-Kwartett Tuneżin irċieva l-premju prestiġjuż mingħand iċ-Chairperson tal-Kumitat tan-Nobel Norveġiż, Kaci Kullmann Five, waqt ċerimonja fis-Sala Muniċipali ta’ Oslo. Dan fil-preżenza tar-Re Harald tan-Norveġja u diversi rappreżentanti tal-Gvern Norveġiż.
Il-Kwartett għen biex it-Tuneżija tkompli fit-triq tad-demokrazija fi żmien sensittiv ħafna, fl-2013, meta l-proċess deher qrib ta’ kollass minħabba l-inkwiet soċjali fil-pajjiż.
//= $special ?>