Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg ikkritika l-pożizzjoni li qed jieħdu l-għaqdiet ambjentali dwar il-każ tiegħu u sostna li dawn messhom tkellmu fl-2012 meta kien approvat permess ta’ ġar tiegħu.
Ian Borg ħa din il-pożizzjoni f’kummenti lill-ġurnalisti, li staqsewh dwar il-pożizzjoni tiegħu issa li l-Ombudsman ikkonferma li kien hemm abbuż fl-applikazzjoni għal żvilupp ta’ propjetà f’Wied Santa Katarina fir-Rabat.
Dan hekk kif, wara r-rapport tal-Ombudmsan, tliet għaqdiet ambjentali ewlenin sostnew li l-pożizzjoni ta’ Ian Borg bħala Segretarju Parlamentari m’għadhiex tenibbli.
Mir-rapport tal-Ombudsman irriżulta li minkejja li l-propjetà hi ta’ Ian Borg, din l-applikazzjoni ma saritx f’ismu iżda f’isem missieru u f’isem persuna oħra. Jirriżulta wkoll li kien hemm irregolaritajiet oħra fl-applikazzjoni.
Iżda dwar jekk iħossx li l-pożizzjoni tiegħu hi tenibbli, Ian Borg ikkummenta li r-rapport tal-Ombudsman hu tekniku, li l-MEPA mhix taqbel miegħu.
Dwar għaliex l-applikazzjoni saret f’isem ħaddieħor meta l-propjetà hi tiegħu, Borg sostna li kieku saret f’ismu u kienet approvata, kienet issir kritika li din ġiet approvata minħabba li kienet f’ismu.
Is-Segretarju Parlamentari qal li hu l-Prim Ministru li jrid jiddeċiedi jekk il-pożizzjoni tiegħu għadhiex tenibbli.
//= $special ?>

