Il-Forum Opportunitajiet Indaqs fi ħdan il-Partit Nazzjonalista qiegħed ifakkar il-Jum Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, nhar l-10 ta’ Diċembru. Dan il-jum ilu jitfakkar sa mill-1948 u għadu relevanti fi żminijietna. It-tema maghzula mill-Gnus Maqghuda ghal din is-sena hija: “Id-drittijiet taghna. Il-liberta’ taghna. Dejjem.”
F’dan il-jum il-Forum Opportunitajiet Indaqs jixtieq ifakkar li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien minn ta’ quddiem fil-ħidma favur id-drittijiet tal-bniedem. Gvernijiet Nazzjonalista dejjem poġġew fuq quddiem lill-bniedem bħala ċ-ċentru tas-soċjetà. Dan wara li għal ħafna snin id-drittijiet fundamentali tal-bniedem kienu mhedda anke f’pajjiżna. B’xorti tajba f’Malta, illum, qegħdin ngħixu f’ħajja trankwilla fejn m’aħniex qegħdin niġġieldu biex jiġu rrikonoxxuti d-drittijiet bażiċi tal-bniedem. Però tajjeb ukoll li niftakru li dak li qegħdin nieħdu bi dritt illum, ta’ qabilna kellhom jitħabtu għalih fi żminijiet diffiċli.
Il-Ġnus Magħquda tfakkarna li d-drittijiet tal-bniedem huma msejsa fuq il-prinċipju tal-libertà u tispeċifika erba’ oqsma: il-libertà mill-biża’, il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tat-twemmin u l-libertà li tgħix fil-paċi.
Il-Forum Opportunitajiet Indaqs irid ikun il-vuċi tan-nies u għaldaqstant jibqa’ jaħdem sabiex dawn l-erba’ oqsma li llum kulħadd dara ma jiġux mittiefsa anzi fejn hemm lok jitwessgħu u jissaħħu għall-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi.
//= $special ?>