Malta hi fost ħames pajjiżi li kontrihom il-Kummissjoni Ewropea llum fetħet it-tieni pass fi proċeduri ta’ ksur minħabba nuqqasijiet b’rabta mas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil.
Minbarra lil Malta, id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Ewropea jaffettwaw lill-Greċja, lill-Kroazja, lill-Italja u lill-Ungerija.
B’mod speċifiku dwar Malta u l-Greċja, il-Kummissjoni Ewropea qed tħeġġeġ liż-żewġ pajjiżi biex jikkomunikaw il-miżuri nazzjonali li huma ħadu biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Ażil, li tistipola proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar ta’ ħarsien internazzjonali, u dwar id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta’ Akkoljenza, li tittratta l-aċċess li jingħataw persuni li jkunu qed jistennew li l-applikazzjoni tagħhom tiġi ttrattata.
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat “Opinjonijiet Motivati” lil Malta u lil Greċja wara li kienu huma biss, fost 15-il pajjiż membru ieħor, li ma weġbux l-avviżi tagħha, mibgħuta fit-23 ta’ Settembru. L-avviżi kienu l-ewwel pass fil-proċedura ta’ ksur, u wara xahrejn żmien biex il-pajjiż iwieġeb, li skadew f’Novembru, Malta u l-Greċja ġew mitluba jinnotifikaw il-miżuri nazzjonali lill-Kummissjoni. F’każ li r-risposti li jagħtu ma jkunux sodisfaċenti, kif jidher li ma kinux, il-Kummissjoni Ewropea tista’ tiddeċiedi li tibgħat “Opinjonijiet Motivati”, li hu t-tieni pass fi proċediment ta’ ksur.
Issa, Malta u l-Greċja għandhom xahrejn oħra żmien biex jagħtu risposta lill-Kummissjoni Ewropea. Hu meħtieġ li l-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi jinnotifikawha dwar il-miżuri li ħadu biex iż-żewġ direttivi jkunu daħlu b’mod sħiħ fil-liġi nazzjonali. Jekk Malta jew il-Greċja jonqsu milli jagħmlu dan, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tirreferihom lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE, li tista’ wkoll timponi sanzjonijiet finanzjarji.
Fil-konfront tal-Italja, il-Kroazja u l-Ungerija, il-Kummissjoni Ewropea kitbitilhom biex jimplimentaw ir-Regolament Eurodac li jipprovdi għat-teħid effettiv tal-marki tas-swaba’ ta’ persuni li qed ifittxu l-ażil, u t-trażmissjoni ta’ data lis-sistema ċentrali ta’ Eurodac f’ħin ta’ 72 siegħa. Fil-każ ta’ dawn it-tliet pajjiżi, il-Kummissjoni Ewropea fetħet l-ewwel pass fi proċeduri ta’ ksur.
//= $special ?>