Ambjent Lokali

Il-MEPA hi l-akbar għadu tal-Ambjent u tal-Poplu – numru ta’ għaqdiet ambjentali

Il-MEPA hi l-akbar għadu tal-Ambjent u tal-Poplu. Din id-dikjarazzjoni saret minn rappreżentanti ta diversi għaqdiet ambjentali waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret f’Howard Gardens fir-Rabat. Il-konferenza tal-aħbarijiet saret biex jitqajmu l-mistoqsijiet għaliex parti minn Howard Gardens qed titneħħa biex issir żona ta’ parkeġġ għall-karozzini u ż-żwiemel meta fil-verità setgħet tintuża’ parti oħra fir-Rabat biex isir dan il-parkeġġ.

Astrid Vella, kelliema għal Flimkien għal Ambjent Aħjar, qalet li hu inaċċettabbli kif ir-residenti tar-Rabat kienu ilhom jistaqsu x’xogħolijiet qed isiru fil-Ġnien, iżda qatt ma ngħataw risposta. Anzi, kienu r-residenti li nfurmaw lill-għaqdiet ambjentali b’dak li kien għaddej. Qalet li sa ġimgħatejn ilu ma kien hemm xejn fuq is-sit elettroniku tal-MEPA dwar ix-xogħolijiet f’Howard Gardens. Dan imur kontra l-proċess tal-MEPA u kontra d-direttivi tal-Unjoni Ewropea għax il-poplu għandhom dritt ikunu jafu, filwaqt li ssir konsultazzjoni magħhom.

Min-naħa tiegħu, il-kelliem tal-AD Carmel Cacopardo sostna minkejja li l-punt prinċipali tal-kwistjoni hu li l-proċess tal-ippjanar, li jaqa f’idejn il-MEPA, suppost hu bbażat fuq il-parteċipazzjoni tal-pubbliku, dan ma sarx. Għalhekk, sostna Cacopardo, f’dan il-każ il-mod kif imxiet il-MEPA hu gravi ħafna.

Minħabba li fiż-żona fejn qed isiru x-xogħolijiet, kull pulzier li jintmess jaf ikollu valur storiku jew saħansitra isiru xi sejbiet arkeoloġiċi, l-Ambjentalisti staqsew jekk hux qed isir monitoraġġ tax-xogħolijiet. Saħqu li mhux qed jikkritikaw li se jsir parkeġġ għall-karozzini u ż-żwiemel għax jemmnu li hi xi ħaġa li messha diġà saret. Madankollu, ma jistgħux jifhmu għaliex qed titneħħa parti minn Howard Gardens meta faċilment setgħu jintagħżlu żoni oħra.