Lokali

Il-MEPA tapprova r-restawr tas-Suq tal-Belt, ħlas sostanzjali mill-Port Ħieles għall-cranes

Il-MEPA approvat ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq il-binja tas-Suq tal-Belt, li jinkludu xogħijiet fuq il-faċċata, fuq l-istruttura tal-azzar u l-ħadid, u fuq is-saqaf. Il-permess mogħti se jwassal ukoll biex żidiet li saru mal-binja fis-snin 80, jitneħħew.

Il-MEPA qalet li wara li jitlestew dawn ix-xogħlijiet, tkun meħtieġa applikazzjoni oħra biex il-bini jerġa’ jibda jservi l-attivitajiet kummerċjali li kien magħruf għalihom u jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku.

Il-binja, li hi bejn Triq il-Merkanti, Triq it-Teatru, Triq Feliċ u Triq San Pawl, hi skedata fl-ogħla livell u hi ta’ żmien ir-Reġina Vittorja. Sofriet ħsara estensiva matul it-Tieni Gwerra Dinjija tant li partijiet minnha ġġarrfu u ma reġgħux inbnew kif kienu oriġinarjament. Ix-xogħlijiet li saru wara kienu kkonċentrati l-iktar fuq il-konsolidament tal-binja milli fuq il-bini mill-ġdid tal-partijiet imġarrfa.

Il-MEPA ħarġet ukoll il-permess biex fil-Port Ħieles f’Birżebbuġa, jiġu ssanzjonati erba’ cranes ġodda u jiċċaqilqu jew jitneħħew cranes oħra fi ħdan Terminal 1 u Terminal 2. Il-bord tal-MEPA mpona ħlas ta’ €955,000, li ma jingħatax lura, bil-fondi jiġu utilizzati mill-MEPA stess u mill-kunsill lokali ta’ Birżebbuġa fi proġetti ta’ titjib tal-lokalità.

Il-bord tal-MEPA mpona wkoll multa ta’ €50,000 għal xogħlijiet li saru hawnhekk qabel ma ħareġ il-permess għall-iżvilupp.