Fit-tramuntana tal-Iraq instabu żewġ oqbra oħra tal-massa li b’kollox għandhom bejn 80 u 100 persuna midfuna fihom. L-oqbra jinsabu qrib ħafna ta’ Sinjar, li sa ftit ilu kienet maħkuma mill-Istat Iżlamiku.
Is-sejba saret ġurnata biss wara li nstab qabar ieħor tal-massa li fih kien hemm midfuna madwar 120 membru tal-komunità Yazidi, li nqatlu minn militanti tal-Istat Iżlamiku. Dan il-qabar tal-aħħar kien ukoll mimli materjal splussiv.
Fiż-żewġ każijiet, il-vittmi kienu mirduma qrib ħafna ta’ wiċċ l-art tant li kienet ix-xita li kixfet partijiet mill-għadam midfuna.
Qabar ieħor misjub mhux ’il bogħod minn fejn instabu dawn l-oqbra, kien fih madwar 80 katavru ta’ nisa, li aktarx kellhom bejn 40 u 80 sena. Hu stmat li l-militanti tal-ISIS qatluhom għax qisuhom wisq kbar fl-età biex jinbiegħu bħala skjavi inkella biex jiġu stuprati.
L-Istat Iżlamiku beda jokkupa l-belt żgħira ta’ Sinjar minn Awwissu tal-2014. Ħataf diversi membri tal-komunità Yazida bħala skjavi, u qatel diversi. Din il-minoranza, magħmula xorta minn eluf ta’ familji, spiċċat taħrab lejn il-muntanji, u minn xi daqqiet, irnexxielha anke taħrab mill-pajjiż.
In-Nazzjonijiet Uniti qieset il-qtil minn membri tal-ISIS fuq dawk tal-minoranza Yazidi bħala ġenoċidju possibbli. L-ISIS iqisu l-fidi tal-komunità Yazida bħala ta’ ereżija.
Sinjar intrebħet lura fit-13 ta’ Novembru, fl-istess jum tal-attakki ta’ Pariġi, meta saret operazzjoni militari kbira mill-forzi tar-reġjun Kurd fl-Iraq, bl-għajnuna ta’ attakki mill-ajru mill-koalizzjoni Amerikana.
//= $special ?>