Lokali

Jiżdiedu l-mużewijiet u dawk li jżuruhom

Matul l-2014, żdiedu n-numru ta’ mużewijiet fil-pajjiż u n-numru ta’ nies li żaruhom.

Mill-2013 għall-2014, in-numru ta’ siti storiċi u mużewijiet żdiedu bi 8, għal total ta’ 72, waqt li l-attendenza fihom żdiedet b’7.5% għal total ta’ 2.3 miljun persuna, 60% minnhom adulti jew anzjani li jkunu żaru l-mużewijiet għal rashom.

Ċifri ppubblikati mill-NSO juru li ftit inqas minn nofs is-siti storiċi u mużewijiet huma propjetà tal-Knisja jew ta’ entitajiet privati, bil-bqija jkunu tal-Istat. 29% tas-siti storiċi huma mmexxija minn voluntiera, bil-bqija maqsuma kważi ndaqs bejn dawk li huma mmexxija mill-Istat jew mill-Knisja jew entitajiet privati.

Il-biljetti tad-dħul baqgħu s-sors ewlieni tad-dħul finanzjarju għal dawn il-mużewijiet, li fl-2014 fissru dħul ta’ €19.4 miljun jew medja ta’ €269,947 kull sit. Min-naħa l-oħra, l-ispejjeż rikurrenti laħqu €12.4 miljun, jew medja ta’ €174,751 kull sit, bi tnaqqis ta’ 2.7% fl-ispiża rikurrenti għal kull mużew meta mqabbel mal-2011. L-istatistika turi li 62% tal-ispejjeż rikurrenti huma għall-pagi tal-ħaddiema, 24% spejjeż amministrattivi u 14% fuq manutenzjoni jew proġetti li jingħataw lil kuntratturi.

Iċ-ċifri juru wkoll li fl-2014, kien hemm 338 ħaddiema full-time u mħallsa li jaħdmu mas-siti storiċi, li jfisser 57% tal-ħaddiema kollha fis-settur. 17% huma ħaddiema part-time waqt li 26% huma voluntieri.

28% tal-mużewijiet huma tal-etnoloġija jew antropoloġija, segwiti minn monumenti u siti li jagħmlu 24% tas-siti storiċi, imbagħad mużewijiet iddedikati lill-arkeoloġija jew l-istorja bi 17%. Skont l-NSO, iktar minn 70% tal-mużewijiet u siti storiċi fil-pajjiż għandhom websajt aġġornata b’mod regolari, u sit minn kull tlieta għandu preżenza fuq Facebook.