Internazzjonali

Kim Jong-un jindika li l-Korea ta’ Fuq għandha bomba tal-idroġenu

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq Komunista, Kim Jong-un, qed jissuġġerixxi li pajjiżu għandu bomba tal-idroġenu, jew hydrogen bomb, għalkemm, għalissa għad m’hemm l-ebda konferma mingħand sorsi indipendenti.

Il-kummenti ta’ Kim kienu pubblikati mill-istampa tal-istat Komunista u hu kien ikkwotat jgħid li l-Korea ta’ Fuq lesta biex tuża bomba atomika jew l-hekk imsejħa hydrogen bomb. Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq ħareġ b’dawn ir-rimarki waqt li kien qed jispezzjona sit militari storiku fi Pyongyang.

Jekk dak li qed jgħid Kim Jong-un hu minnu, l-iżvilupp jirrifletti avvanz sinifikanti fil-kapaċitajiet nukleari tal-Korea ta’ Fuq. Madankollu, numru ta’ esperti barra l-Korea Komunista ma żammewx lura milli juru x-xettiċiżmu tagħhom f’dawn iċ-ċirkostanzi.