Futbol Sport

L-ex kowċ ta’ Malmo Hareide maħtur kowċ tad-Danimarka

L-ex kowċ ta’ Malmo Age Hareide kien maħtur bħala kowċ tat-tim nazzjonali tad-Danimarka. L-ex internazzjonali Norveġiż li għandu 62 sena iffirma kuntratt ta’ sentejn, skont stqarrija maħruġa mill-federazzjoni Daniża.

Hareide se jibda fil-kariga ġdida tiegħu fl-1 ta’ Marzu li ġej u se jmexxi lid-Danikarka għal-logħbiet ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja 2018. Minbarra li mexxa lil Malmo f’dawn l-aħħar sentejn, fil-passat Hareide mexxa wkoll lit-tim nazzjonali Norveġiż bejn is-sena 2003 u 2008.

Bħala plejer Hareide lagħab ma’ Hodd u Molde fin-Norveġja, u fl-Ingilterra ma’ Manchester City u Norwich City. Hu lagħab ukoll 50 darba mat-tim nazzjonali Norveġiż.

Bħala kowċ Age Hareide rebaħ kampjonati fl-Iżvezja ma’ Helsingborg u ma’ Malmo, fid-Danimarka ma’ Brondby, u fin-Norveġja ma’ Rosenborg.

Age Hareide se jieħu post Morten Olsen li temm perjodu ta’ 15-il sena fit-tmexxija tat-tim nazzjonali Daniż. Taħt Olsen id-Danimarka ikkwalifikat għall-kampjonati ewropej tal-2004 u 2012, u għall-fażi finali tat-Tazza tad-Dinja tas-sena 2002 u 2010.