L-Oppożizzjoni oġġezzjonat mal-Gvern li taha ftit sigħat żmien biex tiskrutinja d-dokumenti marbuta mal-għoti tal-art fiz-zona barra mill-iżvilupp fiż-Żonqor u fis-sit ta’ Baċir Numru l, lil Ġordaniżi biex iwaqqfu dak li qed jissejjaħ, Università Amerikana f’Malta.
F’laqgħa li saret f’nofsinhar tal-Kumitat Parlamentari dwar il-Kontijiet tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika, il-Ministru Evarist Bartolo ppreżenta għall-approvazzjoni tal-Kumitat, ir-riżoluzzjoni li permzz tagħha l-Gvern qed jgħaddi 31,000 metru kwadru ta’ art fiż-Żonqor u s-sit tal-Baċir Nu 1, lil Sadeen Group.
L-Oppożizzjoni rrimarkat li fuq materja ta’ importanza nazzjonali, mhux ġust li l-Gvern iressaq din ir-riżoluzzjoni mingħajr mal-Oppożizzjoni jkollha żmien biżżejjed biex tanalizza u tiddiskuti d-dokumenti li ngħataw lill-Oppożizzjoni lbieraħ l-Erbgħa, fit-8pm, bil-Kumitat Parlamentari jissejjaħ biex jitlaqqa’ f’nofsinhar tal-lum.
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi, u d-Deputati Nazzjonalista Tonio Fenech u David Agius, insistew li din ir-riżoluzzjoni hi ta’ materja ta’ importanza u biż-żmien qasir li ta l-Gvern, l-Oppożizzjoni ma tistax twettaq id-dmir tagħha kif imniżżel ukoll fil-Kostituzzjoni li tkun ta’ skrutinju għall-ħidma tal-Gvern.
Quddiem il-proposta tad-Deputat Prim Ministru Louis Grech, bħala Chairman tal-Kumitat Parlamentari, li d-dibattitu jkompli fil-Kamra tad-Deputati fis-seduta tat-Tnejn li ġej, l-Oppożizzjoni talbet biex ikun il-Kumitat l-ewwel li jiddiskuti u janalizza d-dettalji tad-dokumenti ppreżentati mill-Gvern qabel ma d-dibattitu jitressaq fil-Plenarja.
B’nuqqas ta’ qbil bejn Gvern u Oppożizjzoni dwar dak li kien qed jiġi propost mill-Gvern, li fil-bidu nsista li t-Tnejn jiġi diksuss fil-Plenarja l-għot tal-art fiż-Żonqor u l-għoti tal-bini tal-Baċir Nr 1 lil Sadeen Group, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, David Agius, irrimarka li dan hu kontra dak li kien maqbuul fil-Kumitat dwar ix-Xogħol tal-Kamra u saħaq li jekk ikun il-bżonn iressaq talba lill-Ispeaker biex jagħti ruling dwar dak li kien miftiehem li jiġi diksuss.
Diskussjoni fil-Kamra tad-Deputati qabel mal-Parlament jieqaf għall-vaganzi tal-Milied
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi ppropona laqgħa oħra tal-Kumitat Parlamentari qabel ikun dksuss fil-Kamra tad-Deputati.
Il-Gvern qabel li ssir laqgħa oħra tal-Kumitat it-Tnejn li ġej, u possibbilment laqgħa oħra t-Tlieta, biex it-Tlieta stess jew l-Erbgħa filgħaxija ssir id-diskussjoni fil-Kamra tad-Deputati qabel mal-Parlament jieqaf għall-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena.
Meta ppreżenta r-riżoluzzjoni tal-Gvern fil-Kumitat Parlamentari, il-Ministru Evarist Bartolo spjega li l-proġett tal-Università Amerikana f’Malta qed isir mad-DePaul University, u universitajiet oħrajn Amerikani, u hi suġġetta għall-permess u l-akkreditazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Għolja. Il-kampus se jkun maqsum f’Żonqor Point u ieħor f’Baċir Numru 1 f’Bormla.
Se jkun hemm minimu ta’ ħames kulleġġi u faċilitajiet oħrajn importanti għall-proġett u skont l-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet governattivi. L-investiment inizzjali se jkun ta’ €104 miljun li joħloq 300 impjieg meta jaħdem fil-kapaċità sħiħa tiegħu u jilqa’ 4,000 student.
Il-proprjetà qed tingħata għall-użu biss edukattiv, bil-Gvern jamministra hu l-għoti ta’ boroż ta’ studju li se jkunu bejn 1% sa 3% tan-numru ta’ studenti.
Għoti ta’ art meta għadha ma ngħatatx l-akkreditazzjoni lill-Università
Jason Azzopardi rrimarka wara l-preżetazzjoni tal-Ministru, li d-dokumenti b’rabta ma’ din ir-riżoluzzjoni, waslu għand l-Oppożizzjoni fit-8pm tal-bieraħ, u għalhekk kien hemm limitazzjoni fil-ħin biex issir l-analiżi meħtieġa.
Għall-mistoqsija tal-Oppożizjzoni dwar il-proċess tal-akkreditazzjoni, u kif l-art qed tingħata mill-Gvern qabel ma tingħata l-akkreditazzjoni lill-università, il-Ministru Bartolo wieġeb li l-proċess hu wieħed rigoruż, bi proċess dettaljat ta’ skrutinju fuq il-programmi li qed jpproponu, fejn qed jiġu awditjati minn esperti f’qafas ta’ kwalifiċi nazzjonali fil-qafas Ewropej fil-proċess ta’ Bologna. Il-proċess jinvolvi wkoll akkreditar tal-istaff.
Il-Ministru Bartolo fisser li għaddejjin diversi proċessi parallelli u biex jiskatta l-proġett hu kruċjali li tingħata l-approvazzjoni tal-Kummisjsoni Nazzjonali għal Edukazzjoni Għolja biex il-proġett ikun jista’ jibda.
L-eżerċizzju tal-MEPA dwar is-siti alternattivi għadu mhux konkluż
Ix-Shadow Minister Jason Azzopardi kkritika wkoll il-proċess tal-Gvern għall-fatt li l-Gvern qiegħed iressaq din ir-riżoluzzjoni fil-Parlament meta l-Kumitat Parlamentari dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadu jistenna l-eżistu tal-eżerċizzju li dwaru tkellem il-Kap Eżekuttiv tal-MEPA dwar is-siti alternattivi.
Jason Azzopardi fakkar lill-Ministru fis-sit alternattiv f’Ħal Tarxien, li hu fiż-żona ta’ żvilupp u mhux barra, fejn seta’ jsir l-iżvilupp flok fiż-Żonqor.
Staqsa għalfejn il-Gvern sejjaħ din il-laqgħa, u għaliex din l-għaġla, qabel dan l-eżerċizzju mal-MEPA jkun konkluż, bil-Ministru Bartolo jwieġeb li l-Gvern iċċaqlaq ħafna mill-proposta oriġinali u firex il-kampus f’żewġ siti.
Il-Gvern ma fetaħx sejħa pubblika biex jattira ismijiet aktar stabbiliti
Id-Deputat Nazzjonalista Tonio Fenech staqsa x’wassal lill-Gvern li ma fetaħx sejħa pubblika biex jattira ismijiet aktar stabbiliti meta qed joffri l-Baċir Nru 1 u 31,000 metru ta’ art, bil-Gvern strieħ biss fuq American University li hi franchise.
Il-Ministru Bartolo qal li kien hemm istituzzjonijiet oħrajn li talbu biex jiftħu kampus f’Malta, iżda ħadd ma talab kampus ta’ dan id-daqs. Irrimarka li l-Gvern preċedenti ma fetaħx sejħa pubblika meta ta l-art għall-proġett ta’ SmartCity.
Semma li kienu proċessati proposti oħrajn, fosthom talba għal post storiku fil-belt għal istituzzjoni partikolari, u hemm ukoll il-proposta ta’ Barts.
Bil-membri tal-Oppożizzjoni jressqu aktar mistoqsijiet dwar id-dettalji li l-Gvern qiegħed jintrabat mal-Ġordaniżi, fosthom dwar l-evalwazzjoni li saret fuq l-investituri Ġordaniżi, intlaħaq qbil wara ħafna argumenti li tressqu miż-żewġ Whips tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni, li jsiru jekk ikun hemm bżonn anke żewġ laqgħat oħra tal-Kumitat Parlamentari qabel mar-riżoluzzjoni titressaq għad-diskussjoni fil-Parlament.
Tonio Fenech irrimarka li hi tal-mistħija kif il-Parlament jagħmel xogħlu fi ftit sigħat bi ftit informazzjoni, bil-heads of agreement ma ngħatax mad-dokumentazzjoni, u lanqas ma ngħata id-dokumentazzjoni sħiħa lill-Oppożizzjoni.
//= $special ?>

