Internazzjonali

Macri jieħu l-ġurament ta’ President fl-Arġentina

L-Arġentina qed tħares ’il quddiem lejn era ġdida taħt il-President ġdid konservattiv Mauricio Macri li għadu kemm ħa l-ġurament fi Buenos Aires. Macri tenna, waqt diskors għall-okkażjoni, li hu beħsiebu jaħdem fl-interess tal-poplu kollu, iżda l-President ta’ qablu, Cristina Fernandez de Kirchner, iddeċidiet li tibbojkottja ċ-ċerimonja.

Kirchner, sigħat qabel, kienet għamlet diskors fil-kapitali fejn iddefendiet ir-rekord tagħha bħala President tal-Arġentina filwaqt li ħeġġet lis-sostenituri biex joħorġu fit-toroq f’każ li jħossuhom ittraduti mill-Gvern ġdid taċ-Ċentru Lemin.

Mauricio Macri, li x-xahar li għadda kien rebaħ it-tieni fażi deċiżiva tal-elezzjoni, qed jiret numru ta’ problemi ekonomiċi, bl-Arġentina tiffaċċja inflazzjoni ta’ 15 fil-mija, li, skont xi esperti, tista’ tkun bil-wisq ogħla milli jindikaw iċ-ċifri uffiċjali.