Ħarġu rapporti li l-Kap tal-ISIS, Abu Bakr Al-Baghdadi, jinsab fl-inħawi ta’ Sirte, fil-Libja.
Dan wara li l-aġenzija tal-aħbarijiet Iranjana Fars ikkwotat sorsi anonimi Libjani li Baghdadi jinsab f’pajjiżhom, u li l-Kap tal-ISIS, qabel, kien ittrattat fit-Turkija għall-ġrieħi li kien ġarrab f’Ottubru waqt attakk mill-qawwiet tal-ajru Iraqin.
Jingħad li Baghdadi spiċċa midrub waqt li kien ma’ konvoj tal-ISIS li kien qed jivvjaġġa lejn il-belt ta’ Al-Karable, fl-Iraq. Skont ir-rapporti, hu l-ewwel kien ittrattat għall-ġrieħi fil-belt ta’ Raqqa, il-‘kapitali’ tal-Kalifat fis-Sirja, qabel spiċċa ttrasferit lejn it-Turkija.
L-attakk fuq il-konvoj kien qatel 25 militant u jingħad li meta l-ġellieda ta’ Baghdadi wassluh f’Raqqa, il-kirurgi li operawh irnexxielhom isalvawlu ħajtu iżda ma setgħux jipprovdulu l-kura dovuta għal xhur. B’hekk kien deċiż li jittieħed lejn it-Turkija.
L-aġenzija Fars, li hi marbuta mal-Gwardja Rivoluzzjonarja tal-Iran, qalet li l-istazzjon tat-televiżjoni Al-Manar, affiljat mal-grupp Lebaniż Hezbollah, ikkwota sorsi anonimi li qalu li Baghdadi kien spiċċa fit-Turkija bl-għajnuna tas-servizzi sigrieti Torok.
Issa qed jingħad li t-trasferiment ta’ Bagdadi lejn Sirte – il-belt fejn trabba l-eksdittatur Libjan Muammar Gaddafi u li hi kkontrollata mill-ISIS – seħħ biex hu ma jinqabadx mis-servizzi sigrieti tal-Iraq, l-Iran, ir-Russja u s-Sirja. L-ISIS, allegatament, inkwetat li l-koalizzjoni militari taħt it-tmexxija tal-Istati Uniti kienet waslet biex taqbad lil Baghdadi.
//= $special ?>