Il-klabb tal-premier Birkirkara l-bieraħ ħabbar li ntlaħaq ftehim mal-kowċ Taljan Giovanni Tedesco biex huma jtemmu l-kuntratt ta’ bejniethom u b’hekk Birkirkara jinsabu uffiċjalment mingħajr kowċ.
L-Erbgħa filgħaxija Giovanni Tedesco mexxa għall-aħħar darba lill-Istripes li faċilment eliminaw lil Kirkop United b’rebħa ta’ 6-0 fl-FA Trophy. Giovanni Tedesco ngħaqad ma’ Birkirkara fil-bidu ta’ dan l-istġun wara li kien għamel 13-il xahar fit-tmexxija tat-tim ta’ Floriana.
Taħt it-tmexxija ta’ Tedesco Birkirkara kellhom avventura mill-aqwa fl-Europa League fejn wara li eliminaw lil Ulisses tal-Armenja, telgħu biex jilagħbu kontra West Ham United.
Wara telfa minima ta’ 1-0 f’Londra, Birkirkara kisbu rebħa storika ta’ 1-0 f’Ta’ Qali b’gowl ta’ Fabrizio Miccoli, u kien biss wara l-għoti tal penalties li Birkirkara kellhom ibaxxu rashom u kienu eliminati.
Iżda fil-kampjonat wara bidu ferm tajjeb, bdew il-problemi għall-Istripes li kienu miżmuma fi draw ħames darbiet u tilfu darbtejn kontra r-rivali Valletta, bl-aħħar telfa fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet tkun waħda mill-iktar umiljanti.
L-ex kowċ ta’ Qormi u assistent kowċ attwali ta’ Birkirkara Josef Mansueto mistenni li jieħu temporanjament it-tmexxija tat-tim għall-impenn li Birkirkara jmisshom fil-kampjonat kontra Pembroke.
Intant rapport li deher il-bieraħ fl-Italja fuq Sportmediaset, qal li l-ex plejer ta’ Milan u tat-tim nazzjonali Taljan Gennaro Gattuso, jista’ jkun il-kowċ il-ġdid ta’ Birkirkara
//= $special ?>