Lokali

Aġġornata: Li kont minfloku, kont nieqaf nibni – Muscat, Ian Borg jissospendi x-xogħol

Li kont minflok Ian Borg, kont nieqaf nibni. Imma mhux se ngħidlu biex jieqaf”. Hekk ikkummenta l-Prim Ministru Joseph Muscat meta mistoqsi mill-ġurnalisti dwar dak li ħareġ mir-rapport tal-Ombudsman fuq l-iżvilupp tas-Segretarju Parlamentari ‘ Ian Borg fir-Rabat.

Iżda minkejja din id-dikjarazzjoni, Muscat ma riedx jikkommetti ruħu dwar ir-riżenja ta’ Borg mill-Kabinett. Il-Prim Ministru wieġeb biss li dwar dan, se jħalli lill-Inkjesta li għaddejja bħalissa titlesta qabel ma jieħu deċiżjoni.

Fuq Facebook, ftit minuti wara li Muscat qal li kieku minflok Ian Borg kien jieqaf mill-bini tal-propjetà f’Wied Santa Katarina, is-Segretarju Parlamentari ħabbar li ssospenda l-bini. Għalkemm fil-post jgħid li l-istruzzjonijiet tahom ilbieraħ filgħaxija, l-istruzzjonijiet ħarġu fil-pubbliku wara d-dikjarazzjoni ta’ Muscat.