Internazzjonali

Arja ta’ ottimiżmu qabel jagħlaq is-Summit COP21

epa05049302 Empty rostrum during the opening ceremony of the COP21 World Climate Change Conference 2015 in Le Bourget, north of Paris, France, 30 November 2015. The 21st Conference of the Parties (COP21) is held in Paris from 30 November to 11 December aimed at reaching an international agreement to limit greenhouse gas emissions and curtail climate change. EPA/YOAN VALAT

Ir-rappreżentanti tal-pajjiżi involuti fis-summit ta’ Pariġi, magħruf bħala COP21, qegħdin jaħsbu biex jikkonkludu ftehim globali li jikkontrolla l-bidliet fil-klima. Huma qed jittamaw li jilħqu t-tragward għada, ġurnata aktar tard milli mistenni.

Il-Ministru Franċiż għall-Affarijiet Barranin Laurent Fabius, li hu ċ-chairman tas-summit, qal li l-affarijiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba, iżda l-analisti sostnew li jinħtieġ aktar kompromess bejn il-pajjiżi jekk għandu jintlaħaq ftehim konkret. F’każ li n-negozjaturi jaslu biex jiffirmaw ftehim dwar il-klima f’Pariġi, dan għandu jidħol fis-seħħ fl-2020.

Sadanittant, Fabius qal li l-aħħar żviluppi qegħdin jidhru pożittivi waqt li tkellem b’ottimiżmu fis-sens li ftehim ġdid ta’ kompromess dwar il-klima se jkun ippreżentat fis-sigħat li ġejjin.

Dan wara li l-parteċipanti għal COP21 ilhom minn nofs il-ġimgħa jaħdmu fuq abbozz ta’ kliem ġdid għall-ftehim li ħejjiet il-Presidenza Franċiża. L-analisti, min-naħa tagħhom, mhumiex sorpriżi bid-dewmien fit-taħditiet dwar il-klima minħabba l-ħtieġa għall-konsensus u l-fatt li jinħtieġu aktar negozjati sakemm it-tragward jintlaħaq.

Is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon, qal li n-negozjati waqt is-summit ta’ Pariġi huma l-aktar ikkumplikati iżda, fl-istess ħin, l-aktar importanti għall-umanità.

Filwaqt li għad fadal numru ta’ kwistjonijiet, l-analisti kienu qed jistennew din is-sitwazzjoni peress li r-rappreżentanti tal-pajjiżi qed jippruvaw jilħqu ftehim li jwassal ukoll għal bidliet fit-tul għall-ekonomija globali.