Lokali

Assoċjazzjonijiet fil-Belt kontra ċ-ċaqlieq tal-monti għal Triq il-Merkanti

Fondazzjoni Valletta Alive uriet it-tħassib tagħha għaċ-ċaqlieq tal-monti lejn il-parti ta’ fuq ta’ Triq il-Merkanti, fil-Belt Valletta, u qalet li tappoġġja b’mod sħiħ lil waħda mill-fundaturi tagħha, l-assoċjazzjoni tal-komunità kummerċjali ta’ Triq il-Merkanti, fl-oppożizzjoni tagħha għar-rilokazzjoni tal-monti.

Il-fondazzjoni qalet li waqt li hi kienet kontra li l-monti jittieħed ħdejn il-Parlament il-ġdid, dejjem insistiet li taħt l-ebda ċirkustanza ma’ l-monti għandu jittieħed fi Triq il-Merkanti, fil-parti li hi iktar ’il fuq minn Triq it-Teatru l-Antik.

Sostniet li waqt li għandha tingħata kunsiderazzjoni lill-interessi tas-sidien tal-monti, l-istess għandha tingħata lis-sidien tal-ħwienet ta’ Triq il-Merkanti li għamlu investimenti kbar minn kemm ilha li t-triq ġiet għall-użu pedonali.

Anke l-assoċjazzjoni tal-ħwienet ta’ Triq ir-Repubblika tat is-sostenn tagħha lis-sidien tal-ħwienet ta’ Triq il-Merkanti. Saħqet li fl-aħħar snin sar ħafna investiment u nħolqu ħafna mpjiegi u li jekk il-monti jittieħed f’din it-triq, dan se jkun ta’ detriment kbir għas-sidien tal-ħwienet u għad-ditti prestiġġjużi li jirrappreżentaw, kif ukoll għall-ħaddiema u għall-Belt b’mod ġenerali.

Anke din l-assoċjazzjoni appellat biex tinstab soluzzjoni ekwa u ġusta għal kulħadd waqt li spjegat li tifhem id-dritt tal-għajxien tas-sidien tal-monti.