Internazzjonali

It-Talibani jattakkaw id-distrett tal-ambaxxati f’Kabul

Militanti tat-Taliban attakkaw id-distrett tal-ambaxxati f’Kabul, il-kapitali tal-Afganistan, fejn irriżultaw numru ta’ midruba. Dan kien l-aħħar f’sensiela ta’ rejds mill-ġellieda Talibani fuq miri ta’ profil għoli, fil-pajjiż partikolari.

Is-sitwazzjoni għadha inċerta fost diversi rapporti konfliġġenti li deħlin minn ħin għall-ieħor. Dan meta, għall-bidu, ingħad li l-Ambaxxata Spanjola spiċċat mira diretta tal-attakk, b’xi sorsi, wara, jiċħdu li din l-ambaxxata kienet ‘il-mira prinċipali għat-Talibani’. Intant, il-militanti tajjru vettura-bomba fiz-zona ta’ Sherpur, b’numru ta’ djar jieħdu n-nar bħala konsegwenza.

L-aħħar rapporti rreferew għal battalja fit-tul, fid-distrett tal-ambaxxati, bejn it-Talibani u l-qawwiet tas-sigurtà. Dan waqt li kienu għaddejjin l-isforzi biex il-midruba jitwasslu l-isptar, bil-Prim Ministru ta’ Spanja, Mariano Rajoy jikkonferma li pulizija Spanjol spiċċa fost il-feruti.

L-attakk isegwi r-rejd ta’ nhar it-Tlieta mit-Talibani fuq l-ajruport ta’ Kandahar, fejn kienu tilfu ħajjithom almenu 50 persuna.

Jidher li l-attakk ġdid f’Kabul twettaq minn talanqas seba’ militanti u li waslu malajr fuq il-post numru ta’ qawwiet tas-sigurtà Afgani u Spanjoli.

Intant, mifhum li numru ta’ diplomati ħarbu miz-zona tal-vjolenza, bil-militanti jaħarqu numru ta’ vetturi armati.