Il-Gvern miexi biex jieħu wkoll minn idejn il-Kunsilli Lokali t-tmexxija tal-public conveniences
Ix-Shadow Minister Chrs Said sejjaħ l-istqarrija li għamel il-Gvern meta qal li l-Kunsilli Lokali huma l-lunga manus tal-Gvern, bħala gravi u daqqa kbira lill-Kunsilli Lokali u lill-kunċett tas-sussidjarjetà u l-awtonomija tal-Kunsilli Lokali. Dikjarazzjoni wkoll li tmur kontra ċ-Charter tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-gvern lokali.
Meta tkellem fil-Parlament fil-ħin tal-aġġornament, Chris Said irrifera għall-istqarrija li ħareġ il-Gvern dwar l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar dwar is-separazzjoni tal-iskart, u li fiha l-Gvern qal li l-Kunsilli Lokali huma l-lunga manus tal-Gvern.
Sejjaħ din id-dikjarazzjoni bħala nkwetanti għaliex saħaq li allaħares il-Kunsilli Lokali huma l-lunga manus tal-gvern meta l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu awtonomi u indipendenti mill-Gvern għaliex saħaq li dawn huma gvern lokali mhux dipartimenti tal-Gvern.
Appella lill-Gvern jispjega x’ried ifisser b’din l-istqarrija, u jikkjarifika jekk din kinitx lapsus, jew li turi dak li qed jaħseb il-Gvern, jew saritx apposta għax jemmen dan, jew jekk kienx ili-każ li kitibielu xi ħadd u ma jaqbilx magħha. Saħaq li din hi stqarrija nkwetanti anke għal dak li ħdimna għalih kemm ilhom imwaqqfa l-Kunsilli Lokali fejn dejjem ingħataw aktar responsabbiltajiet u ddaħħal il-kunċett tal-Kunsilli Lokali fil-Kostituzzjoni tagħna biex dawn jibgqgħu.
Appella wkoll lill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, fejn il-Partit Laburista għandu maġġoranza, taġixxi u titlob ukoll kjarifika biex issaħħaħ il-kunċett u mhux idgħajjef.
Ikkritika ż-żieda ta’ miljun ewro lill-Kunsilli Lokali għaliex fisser li dawn il-flus lanqas ma jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż aktar fis-salarji, aħseb u ara biex jaqdu l-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom kif suppost.
Sindki u kunsilliera fil-lokalitajiet ġew magħżula f’elezzjonijiet lokali u jixiriqilhom aktar rispett, u għandhom jissejħu gvern lokali awtonomu, u jieħdu deċiżjonijiet fl-ambitu tal-liġi u mhux dak li jrid il-gvern.
Irrimarka li din l-istqarrija saret fi żmien ukoll meta l-Gvern miexi biex jieħu minn idejn il-Kunsilli Lokali t-tmexxija tal-public conveniences. Semma kif maġġoranza tal-lokalitajiet bnew u tejbu dan is-servizz bil-limitazzjonijiet li kellhom, u saħaq li jekk irridu kunsilli lokali aktar awtonomi, irridu nassiguraw li jingħataw aktar fondi u aktar riżorsi.
//= $special ?>