Lokali

Dimostrazzjoni mill-Komunità Musulmana f’Malta kontra t-terroriżmu

“Le għat-terroristi”, “L-ISIS ma jirrappreżentax l-Islam” u “Solidarjetà mal-vittmi tat-terroriżmu”. Dawn kienu wħud mill-messaġġi li wasslu l-Musulmani f’Malta f’dimostrazzjoni li saret f’Raħal Ġdid u li fiha saret kundanna għall-attakki terroristiċi madwar id-dinja.

Id-dimostrazzjoni, organizzata mill-Komunità Musulmana f’Malta, kienet indirizzata mill-Imam Mohammed El Sadi u attendew għaliha ħafna rġel, tfal u nisa.

Meta kien qed jindirizza d-dimostrazzjoni, l-Imam qal li t-terrur m’għandux fruntieri jew reliġjonijiet u li t-terroristi huma qabel xejn għedewwa tal-Islam u l-Musulmani għax jabbużaw mill-fidi Musulmana, filwaqt li jkissru r-reputazzjoni tal-Musulmani kollha madwar id-dinja.

Tal-istess fehma kienu l-membri tal-komunità Musulmana f’Malta, li ma’ NETnews.com.mt spjegaw li t-tagħlim tal-Islam m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li qed jagħmlu gruppi terroristiċi bħall-ISIS.

Filwaqt li sostna li l-Islam mhuwiex terroriżmu, El Sadi qal li mill-informazzjoni li għandu m’hawn terroristi f’Malta. F’isem il-komunità Musulmana, l-Imam irringrazzja lill-poplu Malti għat-tolleranza u l-ospitalità tiegħu.