Lokali

Ian Borg “se jibqa’ għaddej bil-bini”

Is-Segretarju Parlamentari Ian Borg qed jinsisti li xorta se jibqa’ għaddej bil-bini f’zona rurali fil-periferija tar-Rabat, minkejja rapport iebes tal-Ombudsman li sab “żball gravi” fil-mod kif inħareġ dan il-permess ta’ żvilupp.

Il-ġurnal Times of Malta qed jirrapporta kif Ian Borg lanqas irid li jwaqqaf ix-xogħlijiet sakemm titlesta investigazzjoni separata li qed issir mill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni. Mistoqsi mill-istess ġurnal jekk hu offriex ir-riżenja tiegħu lill-Prim Ministru, Ian Borg għażel li jevita d-domanda.

L-Ombudsman fir-rapport tiegħu jagħmilha ċara li dan il-permess ta’ żvilupp ma kellu qatt jinħareġ mill-MEPA. Ir-rapport jinnota kif applikazzjoni simili, li kienet tinkorpora parti mill-plot ta’ Ian Borg, fil-passat ġiet rifjutata għaliex kienet tmur kontra r-regoli tal-MEPA.

L-Omudsman jinsisti illi l-mod kif saru l-affarijiet, saru deliberament biex jitneħħa l-uniku ostaklu li kien hemm biex jinħareġ dan il-permess. “Żgur li ma kienx żball uman, imma att deliberat”, isostni l-Ombudsman fir-rapport tiegħu.