Il-Ministru Refalo għandu jispjega jekk hux jaħbi l-ftehim sempliċi mal-Kurja t’Għawdex dwar id-dar għall-anzjani minħabba li ilu diġà tliet snin iħallas il-kera u għadu ma sar xejn
Ix-Shadow Minister għal Għawdex Chris Said għamel sensiela ta’ mistoqsijiet lill-Ministru għal Għawdex li dwar ħafna minnhom diġà ħarab minnhom u ma weġibx f’mistoqsijiet parlamentari. Mistoqsija diretta kienet b’rabta mal-politika ta’ ħabi ta’ kuntratti ffirmati mill-Gvern dwar Għawdex – dak dwar il-privatizzazzjoni tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex u dak iffirmart mal-Kurja t’Għawdex dwar id-dar għall-anzjani. Sfida lill-Gvern jippubblika l-kuntratti ladarba qed jiftaħar b’dawn il-kuntratti u l-ftehim li laħaq dwarhom.
Fil-Parlament, Chris Said ikkritika lill-Gvern li qiegħed jibqa’ miexi bil-politika tal-ħabi anke dwar Għawdex u l-Għawdxin. Fost il-lista twila ta’ kuntratti moħbija li jolqtu kemm lil Malta u ‘l Għawdex, semma l-ftehim iffirmat għall-privatizzazzjoni tal-Isptar t’Għawdex. Appella lill-Gvern jippubblika l-ftehim mal-Vitalis jekk hu minnu dak li qed jiftaħar bih il-Gvern li dan hu l-aqwa ftehim li qatt sar fuq prvatizzazzjoni ta’ sptar. Minflok, il-Gvern issa mhu qed jitkellem xejn dwar dan.
Semma li l-Gvern issa lanqas ma jrid jippubblika l-ftehim iffirmat mill-Ministeru għal Għawdex mal-Kurja t’Għawdex dwar id-Dar tal-Anzjani li għaliha l-Gvern alloka €60,000 biss għas-sena d-dieħla.
Staqsa għaliex ma jridx jippubblika dan il-ftehim? Fejn hi t-trasparenza meta l-Gvern ma jridx jippubblika lanqas ftehim sempliċi mal-Kurja? Staqsa jekk dan hux biex jaħbi li l-Gvern ilu kważi tliet snin iħallas il-kera u għadu ma sar xejn.
Ma jippubblikax il-lista ta’ min għandu l-passes tal-Gozo Channel
Tkellem ukoll dwar il-kwistjoni li tqajmet mll-Gvern fl-aħħar ġimgħat b’rabta mat-tneħħija tal-passes tal-Gozo Channel, wara li skont il-Ministru dawn il-passes lis-Sindki qed ikissru lill-Gozo Channel.
Ikkritika li l-Ministru ma jridx jippubblika l-lista ta’ min għandu l-passes meta fakkar li l-Ministru Austin Gatt fil-leġislatura li għaddiet, kien ippubblika policy dwar min għandu dritt ikollu pass, liema informazzjoni llum sparixxiet mill-websajt tal-Gozo Channel.
Quddiem i-reżistenza tal-Ministru li ma jridx jagħti rendikont dwar min għandu l-pass, Chris Said staqsa jekk il-Gvern għandux xi ħaġa x’jaħbi dwar dan ukoll.
Ix-Shadow Minister għal Għawdex tkellem ukoll dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-konnettività ta’ mina bejn Malta u Għawdex. Filwaqt li faħħar l-inizjattiva li ħa l-Front Favur il-Mina, appella għal dibattitu ħaj u li jsiru l-istudji kollha neċessarji b’serjetà u fi żmien raġjonevoli minn esperti f’diversi oqsma biex tkun tista’ tittieħed l-aħjar deċiżjoni għall-Għawdxin u għall-pajjiż kollu.
Staqsa għaliex il-Ministru għal Għawdex mhux hu li qiegħed imexxi ‘l qudidem l-istudji u l-proġett tal-konnettività li hu l-aktar importanti għall-Għawdxin.
Nuqqas ta’ sigurtá u rampa mhix skont il-liġi
Fil-Parlament, ix-Shadow Minister Chris Said tkellem ukoll dwar oqsma oħrajn relatati ma’ Għawdex b’rabta ma’ żviluppi li seħħew fi kwistjonijiet li dwarhom kien diġà tkellem fil-Parlament u ġibed l-attenzjon tal-Gvern biex tittieħed azzjoni.
Irrifera għan-nuqqas ta’ sigurtà li għadu evidenti waqt li għaddejjin l-aħħar xogħlijiet fil-proġett taċ-Ċittadella, u saħaq li minkejja l-appelli li saru, is-sitwazzjoni ma tjibitx bir-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurtà ġew mormija b’nies jgħaddu min-nofs ix-xogħlijiet.
Jirriżulta issa, fisser Chris Said, li l-Awtorità dwar s-Saħħa u s-Sigurtà fil-Post tax-Xogħol (OHSA) mhix responsabbli iżda hu d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili li hu responsabbli, b’dan id-dipartiment jibqa’ b’ħalqu magħluq u ma jgħid xejn dwar il-periklu waqt li għadhom għaddejin ix-xogħlijiet.
Tkellem ukoll dwar is-saga li għadha għaddejja dwar ir-rampa tal-Katidral. Appella lill-Ministeru għal Għawdex li qed imexxi l-proġett ta’ restawr u tax-xogħlijiet fiċ-Ċittadella, jerfa’ r-responsabbiltà u jirranġa r-rampa b’mod immedjat wara li l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbiltà (KNPD) ddikjarat li r-rampa mhix skont il-liġi u mhix aċċessibbli għal kulħadd. Rampa li saret fi proġett tal-Gvern u b’fondi tal-Unjoni Ewropea, li dwarha xi ħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà.
Fisser li sal-Pjazza tal-Katidral hemm aċċess għall-persuni b’diffikultà ta’ mobbilità minħabba li l-karozza tista’ tasal sal-pjazza b’parkeġġ ukoll riservat, iżda mbagħad ir-rampa hi l-uniku mezz li twassal għall-Qorti t’Għawdex, għall-Katidral u għall-kumplament taċ-Ċittadella.
Tkellem ukoll dwar tħassib ieħor b’rabta mad-deċiżjoni bla konsultazzjoni meta tqiegħed tank tal-gass taħt triq residenzjali u qrib ukoll iċ-Ċittadella. Sejjaħ din id-deċiżjoni bħala riskju bla bżonn hekk kif ir-residenti kollha qed jopponu għat-tqegħid ta’ tank tal-gass taħt l-art biex jinxtegħlu żewġ fjammi fil-Pjazza tar-Rabat.
Appell ieħor għal azzjoni immedjata
Ix-Shadow Minister għal Għawdex għal darb’oħra ġibed l-attenzjoni tal-Gvern biex jieħu azzjoni bla aktar dewmien b’miżuri li jnaqqsu l-veloċità tal-karozzi fi Triq l-Imġarr, it-triq ewlenija li mill-Port tal-Imġarr twassal sar-Rabat.
Irrimarka li f’din l-arterja ewlenija tat-traffiku f’Għawdex, isiru ħafna inċidenti, saru ħames imwiet u weġġgħu 200 persuna. F’seba’ snin f’din it-triq saru 1,719-il ħabta hekk kif sejjaħ għal azzjoni urġenti għal traffic calming measures biex jiġu evitati l-inċidenti u jsalvaw ukoll il-ħajjiet.
Tkellem ukoll dwar il-proġett tal-Waste Transfer Station li kien inawgurat dan l-aħħar f’Għawdex, proġett maħsub u mibdi mill-Gvern Nazzjonalista fi żmien meta l-Kunsill Lokali Laburista tax-Xewkija kien kontra l-proġett.
Fakkar li Gvern Nazzjonalista dejjem emmen fi strateġija għall-immaniġġjar tal-iskart, u għalaq iż-żewġ miżbliet f’Għawdex. Fisser li permezz ta’ dan il-proġett, qed jiġi trattat u sseparat l-iskart, u l-kumplament jittieħed lejn Malta.
Filwaqt li kkritika lill-Gvern li ma stidinx lill-Oppożizzjoni għall-inawgurazzjoni tiegħu minkejja li ż-żewġ partiti ħadmu dwar il-proġett, staqsa għalfejn sar, u jekk hux minħabba li hemm ħafna xogħol mhux lest fi proġett ta’ €10 miljun, b’zoni li għadhom biss bini u postijiet oħrajn li għadhom magħluqa.
//= $special ?>