Il-komunità Musulmana f’Malta b’dimostrazzjoni kontra t-terroriżmu; jappellaw għall-paċi
“Le għat-terroristi”, “L-ISIS ma jirrappreżentax l-Islam” u “Solidarjetà mal-vittmi tat-terroriżmu” kienu uħud fost il-messaġġi li wasslu l-Musulmani f’Malta f’dimostrazzjoni li saret f’Raħal Ġdid, u li fiha saret kundanna għall-attakki terroristiċi.
Id-dimostrazzjoni, organizzata mill-Komunità Musulmana f’Malta, kienet indirizzata mill-Imam Mohammed El Sadi. Preżenti, ħafna rġel, tfal u nisa.
“It-tifel tiegħi ngħallmu li l-Islam jippriedka l-imħabba u l-paċi”, qalet Fatima Calleja lil dan il-ġurnal. It-tifel tagħha ta’ 10 snin, Bilal, bl-innoċenza kollha qalilna li “fl-Islam ma nitgħallmux biex noqtlu kif jagħmlu l-ISIS”.
Fil-kummenti tagħhom ma’ dan il-ġurnal, il-mmebri tal-komunità Musulmana f’Malta spjegaw li t-tagħlim tal-Islam m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dak li qed jagħmlu gruppi terroristiċi bħall-ISIS.
Meta kien qed jindirizza d-dimostrazzjoni, l-Imam qal li t-terrur m’għandux fruntieri jew reliġjonijiet u li t-terroristi huma qabel xejn għedewwa tal-Islam u l-Musulmani, peress li dawn jabbużaw il-fidi Musulmana filwaqt li jkissru r-reputazzjoni tal-Musulmani kollha madwar id-dinja.
Meta kien qed jindirizza l-media, l-Imam qal li mill-informazzjoni li għandu, terroristi f’Malta m’hawnx, u jekk ikun jaf b’xi terroristi, ikun hu stess li jmur jirrapporta.
F’isem il-komunità Musulmana, l-Imam irringrazzja lill-poplu Malti għat-tolleranza u l-ospitalità tiegħu.
//= $special ?>

