Internazzjonali

It-tieni sejba sostanzjali ta’ droga fi ftit jiem min-Navy Ingliża fil-Mediterran

F’inqas minn ġimgħatejn, in-Navy Ingliża sabet it-tieni sejba sostanzjali ta’ droga fil-Mediterran.

L-HMS St Albans telaq minn Portsmouth għal missjoni ta’ disa’ xhur imma ftit jiem biss wara li salpa, waqqaf traffikanti tad-droga u rnexxielu jikkonfiska 320 kilogramma ta’ reżina tal-kannabis.

Is-sejba saret waqt tfittxija ta’ rutina, bid-droga tkun stmata li għandha l-valur ta’ madwar €1.4 miljun. Hu mifhum li d-droga kienet intenzjonata għas-suq Ewropew. Malli l-ekwipaġġ tal-HSM St Albans qorob lejn dgħajsa li kienet qed tinstaq b’mod suspettuż, l-ekwipaġġ tad-dgħajsa deher jitfa’ pakketti fil-baħar qabel saq id-dgħajsa b’veloċità fid-dlam.

Din hi t-tieni sejba sostanzjali ta’ droga minn ekwipaġġ tar-Royal Navy fil-Mediterran fl-aħħar ġimgħat. Anke l-HMS Richmond sab iktar minn tunnellata ta’ kannabis bil-valur fis-suq ikun stmat li jaqbeż l-€4 miljun.

Skont il-Logutenent, il-Kmandant Jeff Gulliver, il-Mediterran hu rotta magħrufa ħafna għat-traffikar tad-droga fl-Ewropa u fir-Renju Unit. Spjega li t-tim ta’ baħrin tħarreġ b’mod intensiv f’missjonijiet bħal dawn u hu ta’ unur għalihom li rreaġixxew b’mod daqshekk malajr biex jevitaw kwantità sostanzjali tad-droga milli tispiċċa fit-toroq Ewropej.

L-ekwipaġġ tal-HMS St Albans kien megħjun minn ħelikopter Merlin li bagħat viżwali b’mod dirett lejn il-bastiment biex l-ekwipaġġ seta’ jaġixxi malajr, iħarbat l-attività ta’ traffikar u jirkupra ħafna mid-droga mormija l-baħar. Il-vapur mistenni lura fir-Renju Unit sas-sajf li ġej.